Ta’ kull sena x-xahar ta’ Ottubru jkun iddedikat għall-missjoni. Ix-Xahar tal-Missjoni jibda bl-1 ta’ Ottubru, festa ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, il-patruna tal-missjonijiet filwaqt li t-tieni l-aħħar l-Ħadd huwa l-Ħadd tal-Missjoni Dinjija. Din hija opportunità biex tingħata attenzjoni speċjali lill-importanza li taqsam il-fidi fil-missjoni,” Mons. Valentino Borg, Direttur Nazzjonali ta’ Missio Malta.
Il-messaġġ li Papa Franġisku għażel għal din is-sena huwa ispirat mill-Iskrittura Biblika: “Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” Atti 4:20
“Dan iġegħelna l-ewwel u qabel kollox sabiex nippruvaw nifhmu kif nistgħu nkunu xhieda tal-Vanġelu u kif nistgħu nkunu profeti t’Alla. L-imħabba t’Alla li naraw tant sabiħa f’Ġesù, mhix kliem fl-arja, imma hija imħabba konkreta,” Dun Victor Agius, Assistent Direttur ta’ Missio Malta, fejn aħna bħala dixxipli u xhieda ta’ din l-imħabba, ilkoll imsejħa biex inkunu missjunarji u biex inxerrdu din l-imħabba ta ’Ġesù lil ħaddieħor billi nitkellmu dwar dak li smajna fil-Vanġeli. Papa Franġisku jgħidilna: “Ejjew niskantaw u nistagħġbu, u fuq kollox noħolmu. Ħolma! Noħolmu b’dinja li ma rajniex qabel. Għax affarijiet sbieħ jitwieldu minn viżjonijiet tajbin li jibdew bil-ħolm ta’ xi nies. Għix, Ħobb, Oħlom, Emmen!”
Il-Ħadd 24 ta’ Ottubru huwa l-jum meta Papa Franġisku jappellalna biex inxerrdu l-imħabba ta’ Ġesù lil ħutna fil-missjoni barranija u biex nappoġġjaw lill-missjunarji kemm spiritwali kif ukoll finanzjarji. Missio Malta, bħala l-fergħa missjunarja uffiċjali tas-Santa Sede u l-Knisja, qed jistieden lil kulħadd biex jgħin lil dawk fil-bżonn. Matul ix-xahar ta’ Ottubru, Missio Malta ser ikun qed ixxerred dan il-messaġġ billi jżur l-iskejjel u l-parroċċi għall-animazzjoni tal-missjoni fil-komunitajiet. Nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru, il-Jum Dinji tal-Missjoni, tiġi ċċelebrata quddiesa li ser tintwera fuq TVM u knisja.mt fid-9:30am.
Parti mid-dħul ta’ din is-sena ser jgħin liċ-Ċentru Arrupe fil-Kambodja, fejn tfal jistgħu jingħataw kura speċifika meħtieġa kawża ta’ inċidenti min-mini tal-art, li huma komuni ħafna fir-reġjun. Mill-1975 sal-1979, il-pajjiż għadda minn tbatija kbira minħabba gwerra ċivili. Matul is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, miljuni ta’ mini tal-art indifnu fil-Kambodja biex jisplodu meta jintrifsu. Illum baqa’ sa għaxar miljun mina moħbija. Minkejja ħafna sforzi għal aktar minn 20 sena biex jitneħħew dawn il-mini tal-art, xorta huwa stmat li għad hemm aktar minn 3 miljun mina tal-art u armi oħra midfuna madwar il-pajjiż, b’madwar 100 inċident u diżgrazzja jseħħu ta’ kull sena.
Il-Knisja fil-Kambodja għandha rwol importanti ħafna x’taqdi. L-Isqof Kike u t-tim tiegħu fetħu dar, iċ-Ċentru Arrupe, għal tfal b’diżabilità kkawżata minn dawn il-mini tal-art jew mard bħall-poljo u l-kanċer.
Missio ser ikun għas-servizz tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex, billi jipprovdi għarfien, materjal u appoġġ liż-żewġ djoċesijiet. Bħala l-għaqda karitattiva uffiċjali tal-Papa għall-missjoni barranija, Missio jappella lill-Kattoliċi f’Malta u f’Għawdex sabiex jgħixu s-sejħa li rċevew fil-Magħmudija billi jieħdu sehem fil-missjoni universali tal-Knisja.
Kull talb u kull donazzjoni, kbira jew żgħira, huma apprezzati.
Għal aktar informazzjoni żur il-websajt www.missio.org.mt/gm-2021