L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Minnufih jidħol fit-tempju tiegħu, is-Sid li intom qegħdin tfittxu” (Mal 3:1). Ejjew nieqfu ftit fuq din l-espressjoni tal-Profeta Malakija u nistaqsu lilna nfusna: il-Mulej li llum, fl-40 jum wara t-twelid tiegħu u li skont il-Liġi ta’ Mosè jiġi ppreżentat fit-tempju ta’ Ġerusalemm; aħna qegħdin infittxuh? Jiġi f’moħħna s-Salm 27 “Ejja, għedt f’qalbi, ‘fittex ’il wiċċu’, jien wiċċek infittex, Mulej” (Salm 27:8).

B’xi mod, intom xhieda ta’ dan l-għatx tal-umanità, li kontinwament ifittex il-wiċċ tal-Mulej. “L-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh ġej!” (Mal 3:1). Kelma oħra hi x-xewqa, mhux biss it-tfittxija, imma x-xewqa. Il-qalb tagħna taf tixrief, u mhix kwistjoni ta’ età, mhix kwistjoni ta’ numru li għandek fil-karta tal-identità; imma kwistjoni ta’ kemm ħallejna lill-Mulej jgħaġġinna bix-xenqa għalih. “Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena” (Salm 63:2), o Alla tiegħi. Is-Sid li intom qegħdin tfittxu, li intom tixtiequ.

“U joqgħod isaffi u jnaddaf” (Mal 3:3). Illum noffru lilna nnfusna, l-għatx, ix-xewqat u tfittxija tagħna, biex il-Mulej inaddaf. Kemm hu ta’ faraġ il-kliem mill-Ittra lil-Lhud. Li aħna fih, għandna lil xi ħadd li jsejħilna ħutu, u li kellu jkun jixbah lilna f’kollox minbarra fid-dnub, biex ikun dak il-pont li jgħaqqadna ma’ Alla – ikun pontifex – il-Qassis il-Kbir. “Ħanin u fidil f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Alla” (Lh 2:17). Aħna wkoll nitolbu l-grazzja, bħalma għidtu fit-talba tal-maħfra, li jkollna l-qalb mimlija ħniena u fedeltà. Għax m’hemmx fedeltà vera, jekk mhux ibbażata fuq l-esperjenza tal-ħniena. Kuljum iffaċċjati u kkonfrontati bid-dgħufijiet tagħna, bin-nuqqasijiet tagħna, bil-limiti tagħna. Iżjed ma jgħaddi ż-żmien, dawk il-limiti jidhru iżjed ċari, l-irtokk jaqa’ kollu. Allura mhux ta’ b’xejn l-għerf tal-ħajja u tas-snin irattab il-qalb; forsi mhux il-moħħ jew ir-ras. Xi kultant tibbies ir-ras. Imma t-talba tagħna hi li ż-żmien u s-snin irattbu l-qalb.

Forsi waħda mill-problemi għidtuha intom. Qed tikkonferma u nirringrazzjakom tat-talbiet ta’ maħfra, mimlija għerf, umiltà u esperjenza. Ħafna drabi nkunu lesti li nħennu għal kulħadd, barra għalina nnfusna. Imma jekk ma nitgħallimx nħenn għalija nnifsi, mhux se jkolli enerġija biżżejjed, li nagħder u nħenn għal ħuti. Allura nitolbuh din il-grazzja lill-Mulej, li fil-ħajja reliġjuża nkunu nies ta’ fedeltà; imma fuq kollox, nies ferħanin, grati, sereni fl-esperjenza tal-ħniena li l-Mulej idewwaqna.

Jalla l-esperjenza tal-ħajja reliġjuża f’Malta tibqa’ tkun dan kollu: esperjenza ta’ fejqan u ta’ salvazzjoni, esperjenza tad-dawl u glorja għall-Knisja f’Malta

“Billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib” (Lh 2:18). Il-ħajja reliġjuża hi wkoll din: agonija ta’ min hu f’kunflitt kontinwu mal-istinti u mal-comfort zones tiegħu jew tagħha. Dan hu t-tiġrib kontinwu tal-ħajja reliġjuża. Il-Mulej bata u kien imġarrab, biex ikun ma’ kull wieħed u waħda minna.

Ħafna drabi nkunu lesti li nħennu għal kulħadd, barra għalina nnfusna. Imma jekk ma nitgħallimx nħenn għalija nnifsi, mhux se jkolli enerġija biżżejjed, li nagħder u nħenn għal ħuti

Ejjew nitolbu l-grazzja li nkunu attenti għal dak li jrid jgħidilna l-Ispirtu, bħalma kien attent “Xmun, ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael” (Lq 2:25). B’xi mod illum qed nagħmlu l-festa tax-xewqat kollha tal-umanità, li jinġabru f’tarbija; li jsibu l-faraġ tagħhom, dak li Xmun jippreżenta bħala s-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja. Jalla l-esperjenza tal-ħajja reliġjuża f’Malta tibqa’ tkun dan kollu: esperjenza ta’ fejqan u ta’ salvazzjoni, esperjenza tad-dawl u glorja għall-Knisja f’Malta.

Qed naħseb f’tant oqsma bejn il-ħajja kkonsagrata f’Malta u Għawdex li ġabu fejqan, faraġ u wens. Qed naħseb f’tant oqsma fejn il-ħajja reliġjuża f’Malta ġabet preżenza ta’ tagħlim, ta’ dawl, ta’ għerf, u ta’ qdusija moħbija, li kienet u tibqa’ l-glorja tal-poplu tagħna.

Forsi ftit minnkom jaslu għall-kanonizzazzjoni. Mhux qed ngħid li m’hawn ħadd, imma ftit. Dan ma jiddispensaniex mis-sejħa għall-qdusija. Jien, li għamilt żmien postulatur, sirt napprezza l-qdusija anonima; dik li l-Papa Franġisku jsemmi b’enfasi fid-dokument tiegħu ‘Gaudete et exsultate’ (Il-Qdusija tal-Ġara). Għax jekk tippretendi li se jikkanonizzawk mill-ewwel, allura għad baqagħlek x’timxi. Bħal dik il-madre, li lill-Papa qaltlu: ‘Santità la mia virtù piu forte è l’umiltà’. U l-Papa fehem kollox. Oħra qaltlu: ‘Io sono la madre dello Santo Spirito’ u Ġwanni XXIII qalilha, ‘io sono solo il vicario di Gesù Cristo’.

Intom xhieda ta’ dan l-għatx tal-umanità, li kontinwament ifittex il-wiċċ tal-Mulej

Ħafna drabi ngħixu f’bużżieqa artifiċjali. Kemm tkun ħaġa sabiħa li tkomplu bl-interċessjoni tagħkom. Tgħixu fil-qalba tad-dinja, li forsi mingħajr ma taf, għadha tfittex u tixxennaq għal Ġesù. It-talba tiegħi għalina hi li min jiltaqa’ magħna, almenu jkun miss it-tarf tal-mantar ta’ Ġesù, biżżejjed dan biex il-Mulej jagħti l-fejqan meħtieġ. Imma allaħares li min jiltaqa’ magħna flok jiltaqa’ mat-tarf tal-mantar ta’ Ġesù, jitfixkel f’xi ġebla, jew nisquh il-ħall qares ta’ min hu frustrat u ddisprat. Għax din hi tentazzjoni kbira, li tipprova tagħsar il-memorja ta’ ħajtek u tgħid: imma x’għidt? Imma x’għamilt? Din hi domanda li m’għandix risposta immedjata; għax anke dawn id-domandi rridu ngħixuhom bil-fidi f’min jaf Hu l-mument, mhux biss taż-żrigħ, imma wkoll tal-ħsad.

Nitolbu għall-vokazzjonijiet għax il-Knisja għandha bżonn ix-xhieda tal-ħajja kkonsagrata, għandha bżonn ix-xhieda tagħkom. Issa l-Mulej jaf hu b’liema mod u kif, imma ma naqtgħux qalbna. Ninsisti ħafna meta niltaqa’ mas-superjuri reliġjużi, li jistiednu lir-reliġjużi jidħlu fl-appostolat tal-interċessjoni, ta’ kull età. Fl-appostolat tat-talb, ta’ Xmun u Anna, il-protogonisti tal-festa ta’ għada li qed nanteċipaw illejla, il-Mulej tahom il-grazzja li jagħrfu l-preżenza tiegħu fid-dgħufija, fil-faqar, f’tarbija. Allura ma naqtgħux qalbna imma nimtlew bil-faraġ li jrid jagħtina l-Mulej, u nkomplu nħabbtu fuq il-bieb tiegħu. Inti Sid il-ħsad, għidtilna itolbu, il-bqija f’idejk.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mal 3:1-4
Salm: 23:7-10
Qari II: Lhud 2:14-18
L-Evanġelju: Lq 2:22-40