Aħbarijiet mill-Knisja f'Malta
Matul l-2024, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed iħeġġu sabiex bħala pajjiż u Nsara, nirriflettu fuq il-ħames doni mingħand il Mulej li l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl-Innu Malti: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Dan hekk kif din is-sena, Malta qed tiċċelebra żewġ anniversarji important: 60 sena indipendenti u 50 sena repubblika. Hi x-xewqa tal-Isqfijiet li dawn il-ħames valuri jkunu l-bażi tas-soċjetà Maltija u jkomplu jsaħħu dak li diġà jgħaqqadna.
Dawn il-ħames barkiet jservu bħala l-pedament tal-fidi Nisranija. Meta kull persuna b’mod partikolari n-Nisrani, tħaddan dawn il-valuri, tiġi ggwidata lejn it-triq li tirrifletti l-qofol tat-tagħlim Nisrani, u tippromwovi komunità mibnija fuq prinċipji ta’ fidi u rieda tajba.
Lil din I-art ħelwa,
I-Omm li tatna isimha,
Ħares, Mulej,
kif dejjem Int ħarist:
Ftakar li lilha
bil-oħla dawl libbist.
Agħti, kbir Alla,
id-dehen lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid,
saħħa ‘l-ħaddiem:
Seddaq il-għaqda
fil-Maltin u s-sliem.
Dun Karm Psaila
Għan-Nisrani d-dehen jitqies bħal rigal minn Alla, u jfisser li tagħmel għażliet li jaqblu mar-rieda t’Alla. Huwa wkoll l-abbiltà li tifhem u twettaq ir-rieda ta’ Alla.
Li tfittex id-dehen t’Alla permezz tat-talb u tal-Iskrittura huwa l-qofol tal-fidi Nisranija.
Id-dehen jista’ jwassal biex ikollok relazzjoni aktar profonda ma’ Alla u jmexxik biex tieħu deċiżjonijiet bbażati fuq dak li huwa ġust.
Siltiet mill-Vanġelu:
L-ewwel riflessjoni tiegħi hija dwar id-don tad-dehen. Id-dehen huwa l-kapaċità li wieħed jifhem, jagħraf u jiddeċiedi li jagħżel it-tajjeb u jevita l-ħażin; dak huwa l-veru dehen. Id-dehen huwa ħu l-għerf… Kompli aqra »
Fit-tieni riflessjoni nixtieq li nieqfu ftit naħsbu fuq id-don sabiħ tal-ħniena. Nistgħu ngħidu li l-ħniena hija l-qalba ta’ dawn il-ħames doni, għax il-ħniena hi rigal kbir ta’ Alla, tagħmilna nixbhu tassew lill-Ħallieq tagħna. “Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:48) “li jibgħat ix-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5:45). Kompli aqra »
F’din it-tielet riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li naħsbu ftit fuq id-don tas-saħħa. Aħna meta naħsbu fuq is-saħħa mill-ewwel niftakru fis-saħħa fiżika, imma hemm ukoll is-saħħa psikoloġika u s-saħħa spiritwali. Kompli aqra »
Fir-raba’ riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li nieqfu naħsbu ftit fuq id-don tal-għaqda. L-għaqda hija l-armonija ta’ bejnietna; l-għaqda ġejja mill-fatt li aħna nistmaw lil xulxin u niddeċiedu li naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed.Kompli aqra »
Fil-ħames riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li nieqfu niftakru ftit u naħsbu dwar id-don sabiħ tas-sliem, jew tal-paċi. Niftakru li qegħdin noqorbu lejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir tal-Mulej, u niftakru wkoll li t-tislima tal-Irxoxt hija waħda: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19), il-paċi magħkom! Kompli aqra »
Għar‑Randan ta’ din is‑sena, aħna l‑Isqfijiet qed nipproponu biex bħala pajjiż u bħala Nsara nirriflettu fuq il‑ħames doni mingħand il‑Mulej li l‑poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl‑Innu Malti: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem… Kompli aqra »
Illum nixtieq noffri t-talba u l-awgurju tiegħi għal Milied qaddis billi nislet ħsibijiet ispirati minn dak li kiteb il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, meta bħala innu nazzjonali għażel talba sabiħa lil Alla. … Kompli aqra »