L-Ittra Pastorali mill-Isqfijiet

Għar‑Randan ta’ din is‑sena, aħna l‑Isqfijiet qed nipproponu biex bħala pajjiż u bħala Nsara nirriflettu fuq il‑ħames doni mingħand il‑Mulej li l‑poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl‑Innu Malti: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem.

“Mexxini fis‑sewwa tiegħek”

L‑ewwel don hu d‑dehen: il‑kapaċità li wieħed jifhem, jagħraf u jiddeċiedi li jagħżel it‑tajjeb mill‑ħażin. Fl‑ewwel Ħadd tar‑Randan, nitolbu fis‑Salm: “Triqatek, Mulej, għarrafni. Il‑mogħdijiet tiegħek għallimni, mexxini fis‑sewwa tiegħek u għallimni” (Salm 25:4‑5). Il‑kelma tal‑Mulej hija kelma ta’ għerf u mhux ta’ bluha; hi kelma li se tagħmillek dejjem il‑ġid.

L‑għerf u l‑għaqal iwasslu wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mill‑interessi personali. Il‑bniedem għaref u l‑mexxej għaqli huma dawk li fid‑deċiżjonijiet tagħhom jinkludu lil kulħadd, inkluż lil dawk li ġejjin warajna. Jekk nixtiequ li l‑kliem tant sabiħ tas‑sostenibbiltà u l‑inklużjoni verament ifissru xi ħaġa, irridu nkunu dawn it‑tip ta’ mexxejja u ċittadini.

“Għani fil‑ħniena”

It‑tieni don hu l‑ħniena, li jagħmilna nixbhu tassew lil Alla. Kif ifisser San Pawl: “Alla, għani fil‑ħniena tiegħu, bis‑saħħa tal‑imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu ‑ bi grazzja intom salvi” (Ef 2:4‑5).

Il‑Mulej jgħidilna li l‑imħabba tagħna trid tkun imħabba ta’ mogħdrija u dan kollu jinġabar fil‑kelma ‘ħniena’. Li tħenn tfisser li tgħin lil xi ħadd fil‑mument ta’ bżonn, imma wkoll li qalbek tħabbat dejjem għall‑proxxmu tiegħek.

Li tħenn tfisser ukoll li flok tiġġudika, tikkundanna u tkisser persuni oħra minn wara screen, tagħżel li f’kull persuna tara dik l‑umanità komuni li tagħmilna tassew aħwa. F’dinja fejn hu faċli ħafna li ngħaffġu u “narmu” n‑nies bil‑kliem u l‑għemil tagħna, tajjeb nistaqsu b’liema mod aħna l‑Insara nistgħu nkunu xhieda tal‑ħniena ta’ Alla li mingħajr ma tinjora l‑verità, tfittex dejjem li tgħolli lil min jinsab mgħaffeġ taħt il‑piżijiet tal‑ħajja.

Fir‑Randan tajjeb ukoll li bħala Nsara nagħmlu l‑esperjenza sabiħa tal‑ħniena ta’ Alla billi nersqu għas‑Sagrament tal‑Qrar, fejn niltaqgħu mal‑għajn tal‑ħniena.

“Kien ifejjaq lil kull min kien nieqes minn saħħtu”

It‑tielet don li jsemmi Dun Karm fl‑Innu Malti hu d‑don tas‑saħħa. Meta naħsbu fuq is‑saħħa qed ninkludu s‑saħħa fiżika u s‑saħħa mentali, kif ukoll is‑saħħa spiritwali.

Kelma oħra sabiħa tas-salvazzjoni li ġabilna Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet hija l-kelma ‘saħħa’ – salus. Għalhekk, il‑kelma ‘salvazzjoni’ hi propju l‑istedina biex inħarsu lejn is‑saħħa tagħna b’mod ħolistiku. Ġesù jimpurtah minna. Hu jridilna l‑ġid u jrid ifejjaqna mit‑tbatijiet tagħna. Fir‑Randan u fl‑Għid Imqaddes, Ġesù ġej fostna bħala t‑Tabib tar‑Ruħ. Għandna bżonn nilqgħuh f’qalbna biex inkunu nistgħu nfiequ.

Xi drabi nistgħu wkoll innaqqsu ftit mill‑għaġla ta’ kuljum u nħarsu madwarna. Jista’ jkun hemm kollega li għaddejja minn mument diffiċli; ġar li saħħtu marret lura; u omm jew missier li tilfu xogħolhom. Li nieqfu, nintebħu, nisimgħu, inkellmu u nakkumpanjaw lil xi ħadd li qed ibati tista’ tassew tkun l‑ikbar għotja ta’ karità għal dan iż‑żmien tar‑Randan.

“Ma jkunx hemm firdiet fostkom”

Ir‑raba’ don hu l‑għaqda, li ġejja mill‑fatt li nirrispettaw lil xulxin u niddeċiedu li naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed, minkejja li xi drabi ma naqblux f’kollox. Tajjeb nitolbu għad‑don tal‑għaqda fil‑koppji tagħna, fil‑familji, fil‑parroċċi u fil‑Knisja.

Imma nitolbu wkoll għall‑għaqda fost il‑poplu tal‑Istat tagħna, li din is‑sena qiegħed jiċċelebra 60 sena indipendenti u 50 sena repubblika. Biex nimxu ’l quddiem bħala soċjetà, għandna l‑urġenza niskopru mill‑ġdid l‑arti tad‑djalogu rispettuż. Speċjalment fuq livell politiku, id‑djalogu ta’ spiss hu interpretat bħala sinjal ta’ dgħufija. Xi drabi għandna tendenza nippreferu persuna li, biex toħnoq l‑ilħna tal‑oħrajn, tattakka, twaqqa’ u tweġġa’ bi kliemha. B’dan il‑mod, il‑ġid komuni qatt ma jista’ jintlaħaq u  żgur li qatt mhu se niksbu l‑għaqda.

Hekk kif il‑pajjiż qed iħejji ruħu għall‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali u l‑Parlament Ewropew, inħeġġu lil kull min hu involut fil‑ħajja pubblika u politika sabiex ma jibżax jagħżel it‑triq kuraġġuża tas‑smigħ umli u tad‑djalogu rispettuż.

“Jiena nħallilkom is‑sliem” 

Il‑ħames u l‑aħħar don li nsibu fl‑Innu Malti hu dak tas‑sliem. Fl‑Għid il‑Kbir niftakru fit‑tislima tal‑Irxoxt: “Is‑sliem għalikom!” (Ġw 20:19). San Ġorġ Preca wkoll kien jisħaq li għandna nilqgħu lil xulxin b’din it‑tislima. Iżda l‑paċi ma tiġix mill‑kliem jew mill‑fomm biss, imma mill‑qalb. Ma tistax tagħti l‑paċi lil ħaddieħor jekk f’qalbek m’għandekx paċi.

Kif jinsisti Dun Karm, il‑paċi tibqa’ dejjem don mill‑Mulej. Għandna bżonn il‑paċi fid‑dinja, il‑paċi bejnietna, il‑paċi fil‑familji tagħna, u l‑paċi f’qalbna. Tista’ tkun l‑ikbar sinjur tad‑dinja imma jekk f’qalbek ma għandekx il‑paċi, inti bniedem fqir. Min għandu l‑paċi, ikun f’liema ċirkustanza jkun, jgħum fl‑ikbar barka tal‑Mulej.

Illum faċli naqtgħu qalbna quddiem il‑ħafna kunflitti li għaddejjin fl‑Art Imqaddsa, fl‑Ukrajna, fis‑Sudan u f’postijiet oħra. Huma l‑mexxejja tal‑pajjiżi li għandhom is‑setgħa u r‑responsabbiltà jwaqqfu din il‑qerda assurda. Madanakollu, aħna lkoll imsejħin inkunu bennejja tal‑paċi. Il‑paċi jew il‑vjolenza ta’ bejnietna jiddependu fuq id‑deċiżjonijietkbar u żgħar—li nieħdu ta’ kuljum. Il‑paċi hi frott deċiżjonijiet tajba u responsabbli. Meta ninjoraw il‑verità u l‑ġustizzja, meta rridu li dejjem ikollna raġun, u meta s‑suċċess u l‑flus isiru l‑idoli tagħna, inkunu qed niżirgħu ż‑żerriegħa tal‑vjolenza.

Iżda meta nersqu lejn Kristu Imsallab u Rxoxt u nidħlu fl‑iskola tal‑imħabba tal‑Mulej, inkunu qed ninfetħu għad‑don tal‑paċi tiegħu, biex flimkien miegħu nsiru bennejja tal‑paċi.

Hekk kif bdejna din il‑mixja ta’ 40 jum, il‑barka tagħna fuqna u fuq pajjiżna, hi dik ta’ Ġesù stess: il‑paċi magħkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju