Il-Katekeżi hija mument importanti ħafna fil-ħidma tal-Knisja biex tlaqqa’ lill-bniedem ma’ Gesu’ Kristu u tipprova twasslu biex ħajtu jifhimha minn lenti ta’ fidi f’Alla. Propju għaliex il-Katekeiżi trid tiffaċilita l-laqgħa ma’ Alla, ma tistax tkun biss formoli ta’ duttrina validi dejjem u kullimkien.

Biex il-Katekeżi tkun tara u tikkomunika, trid tisma’ u tifhem id-domandi veri li l-bniedem iġorr fil-fond ta’ qalbu. Il-Katekeżi, fl-aħħar mill-aħħar, trid tlaqqa b’iktar qawwa il-fidi mal-kultura li sikwit nifhmuha bħala stil sħiħ ta’ ħajja li mhux dejjem jagħmilha faċli il-ħajja ta’ fidi.

Is-Segretarjat għall-Katekeżi, sa mit-twaqqif tiegħu wara l-Konċilju Vatikan II, kien dejjem impenjat biex ifassal u jipproġetta programmi ta’ Katekeżi li jakkumpanjaw lill-bniedem fl-iżvilupp tiegħu sa minn ċkunitu. Dan l-impenn żviluppa u nbidel skont liġijiet differenti u bidliet li sa mill-Konċilju seħħew kemm fil-Knisja kif ukoll fis-soċjeta’.

Is-Segretarjat dil-gimgħa qiegħed itella il-Ħames Kungress Kateketiku biex ikompli jifhem x’inhu dak li llum jipprovokana l-iżjed fil-kultura ta’ madwarna biex niskopru toroq godda u qodma kif il-Vangelu ta’ Gesu’ Kristu jista’ jibqa’ jagħmel sens u jispirana.

Dan il-Kungress, li qed jorbot ma’ erba’ oħra li saru qablu tul kemm ilu jeżisti s-Segretarjat, qed jieħu bħala tema “Emerġenza Fidi”. Emerġenza għaliex irridu nagħrfu li fejn tidħol l-edukazzjoni fil-fidi qegħdin f’sitwazzjoni ta’ transizzjoni. Kien iktar faċli tikkatekiżża fl-imgħoddi. Illum għandna sfidi ikbar biex il-Kelma t’ Alla nwassluha b’mod li tkellem lill-qalb tal-bniedem u tindirizza l-mistoqsijiet il-kbar ta’ żmienna.

Dan jgħodd għat-tfal li qegħdin fiż-żmien li jkunu introdotti għall-ħajja nisranija kif ukoll għall-adolexxenti, iż-żgħażagħ u għall kull fażi tal-ħajja fejn l-edukazzjoni trid tkompli.

It-tema tal-Kungress hija ‘Emerġenza Fidi’ għaliex waqt li se naraw fejn qegħdin bnala riżorsi, irridu nifhmu fejn sejrin bħala direzzjoni, l-aktar fil-progett ta’ Katekeżi li pajjiina u l-Knisja llum jeħtiegu.

Il-Kungress:

• se jagħrbel x’timplika għall-edukazzjoni fil-fidi il-qabża mill-qadim għall-gdid fil-kultura ta’ żmienna;

• se jistaqsi, bħala Knisja, fejn m’ aħniex għall-altezza ta’ dak li I-poplu t’ Alla f’dawn il-gżejjer tassew jeħtieg; u

• se jipprova jifhem liema huma l-messaġġi li l-Ispirtu t’ Alla qed jibgħat illum permezz ta’ dak li qed jiġri madwarna u fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Din mhijiex biss kwistjoni ta’ lingwaġġ li bih qed nikkomunikaw, imma wkoll kwistjoni ta’ kif il-Knisja sħiħa qed tittrasmetti l-fidi ħajja li rċeviet lill-ġenerazzjonijiet tal-lum. Hu għalhekk ukoll li f’dan il-Kungress is- Segretarjat se jniedi il-Progett “Il-Fidi f’Malta” li se jkun eżerċizzju ta’ investigazzjoni dwar il-fidi tagħna l-Maltin u li se nkunu qed naħdmu matul din is-sena flimkien mal-Istitut ‘Discern’.

Għall-Kungress hu mistieden kullħadd, partikolarment dawk li jaħdmu fil-qasam tal-Katekeżi, l-operaturi pastorali, qassisin u kappillani.

Dun Rene’ Camilleri

Delegat għall-Katekeżi

Agħfas hawn biex tniżżel il-programm tal-Kungress Kateketiku Nazzjonali.


Ħalli l-kummenti jew suġġerimenti tiegħek għal dan il-Kungress.