Il-Papa Benedittu XVI qed jesprimi appoġġ għal programme sportivi, waqt li issottolinea l-irwol tal-atletiċi u l-attivita kompetittiva fil-formazzjoni tal-persuna. Il-Papa qal dan f’messaġġ mibgħut lill-parteċipanti fis-seminar bit-tema “L-Isport, l-Edukazzjoni u l-Fidi: Għal stadju ġdid fil-Moviment Kattolika Sportiv”, li sar fl-aħħar jiem f’Ruma.

Il-messaġġ intbagħat lill-Kardinal Stanislaw Rylko, Presidenttal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi. L-attivita kienet organizzata mit-taqsima Knisja u Sport fi ħdan id-dekasteru.

Il-Papa afferma li “l-isport għandu potenzjal edukattiv notevoli, speċjalment fil-qasam taż-żgħażagħ. Għal dan il-għan l-isport hu ta’ importanza kbira mhux biss fil-ħin liberu, imma wkoll f’dak li jirrigwarda l-formazzjoni tal-persuna sħiħa. “Permezz tal-attivita sportiva, il-komunita ekkleżjali tikkontribwixxi għall-formazzjoni taż-żgħażagħ, billi toffri wkoll ambitu kif xieraq għall-istess tkabbir umani u spiritwali tagħhom.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika jissokta li “fil-fatt, meta dawn l-attivitajiet huma diretti lejn l-iżvilupp integru tal-persuna u mmexxija minn nies kwalifikati u b’kompetenza, dawn ikunu okkażjonijiet li fihom is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi jkunu jistgħu jeżerċitaw il-veru rwol ta’ edukaturi u għalliema tal-ħajja għaż-żgħażagħ.

Huwa kompla jaċċenna għall-ħtieġa urġenti li l-ġenerazzjonijiet jiġu edukati, sakemm issottolinea l-ħtieġa ta’ iktar appoġġ u appoġġ kontinwu mill-Knisja lill-attivitajiet sportive għaż-żgħażagħ.

Benedittu XVI esprima apprezzament għall-fatt li l-isport u l-element ta’ kompetizzjoni fihom aspetti pożittivi bħall-kapaċita ta’ stimolu għall-kompetittivita, kuraġġ u d-diterminazzjoni għall-kisba tal-għanijiet.

Il-Papa kkonkluda billi enfasizza li ħafna huma dawk l-opportunitajiet prezzjużi li l-isport jista’ joffri lill-qasam tal-kura pastorali taż-żgħażagħ.