Pope Francis washing feet

Il-Papa Franġisku fakkar Ħamis ix-Xirka billi ċċelebra quddiesa f’ħabs minorili f’Casal dal Marmo f’Ruma. F’dan il-ħabs jinżammu mas-46 żagħżugħ u żagħżugha. Ħafna mill-priġunieri ġejjin minn pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Huwa ħasel ir-riġlejn ta’ 12-il detenut.

Fost it-tnax-il detenut li mhux bilfors kienu Kattoliċi kien hemm ukoll tifla ta’ 12-il sena. Kien propju l-Papa stess li talab biex ikun hemm preżenza femminili. Wara xi ftit tar-resistenza lejn din l-idea, il-Vatikan aċċetta. It-tnax-il detenut rrappreżentaw it-tnax-il appostlu, u l-Papa, bħal ma jsir f’Ħamis ix-Xirka, fakkar meta Ġesu’ ħasel saqajn l-Appostli tiegħu. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Vatikan, il-Papa Franġisku, ħasel ukoll saqajn tfajla.

Id-drapp li bih il-Papa ixxotta s-saqajn ġie maħdum mill-komunita’ ta’ Villa San Francesco, komunita’ li tilqa’ żgħażagħ u minorenni li jinsabu f’diffikulta’.