L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù donnu għandu ħerqa kbira biex ma jibqax magħna u din hi xi ħaġa stramba għax aħna tant inħobbuh u hu tant iħobbna, li nixtiequ li jkun dejjem magħna u aħna nkunu miegħu.

Ir-risposta hi li Ġesù, għalkemm ma narawhx bħalma naraw lil xulxin, xorta għadu magħna u fil-fatt jibagħtilna lill-Ispirtu s-Santu li hu jsejjaħlu d-‘difensur’ propju biex jibqa’ magħna. Aħna lil Ġesù ma nistgħux narawh bl-għajnejn tal-ġisem imma nħossuh bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Anke fl-Ewkaristija, meta s-saċerdot jitlob fuq il-ħobż u l-inbid, jitlob il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tbiddel, bil-kelma wkoll ta’ Ġesù, il-ħobż fil-ġisem ta’ Ġesù u l-inbid fid-demm ta’ Ġesù.

“Ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom jiena mmur għaliex jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur nibgħathulkom” (Ġw 16:7). Id-difensur hu l-Ispirtu s-Santu. U l-Ispirtu s-Santu, jispjegalna Ġesù, se jurina Alla kemm hu ħabib ta’ vera. L-ewwel nett għax se jurina li mingħajr Ġesù ma nkunux sew. Ma emmnux fija allura qegħdin fid-dnub. Id-dnub x’inhu? Meta inti titlef it-triq. Inti mingħalik se tkun kuntent u ma tkunx. Imma jekk temmen f’Ġesù, jekk Ġesù jkun il-ħabib tiegħek, allura inti qiegħed f’postok.

Jitkellem dwar il-ġustizzja. Jgħid: “Jiena se mmur għand il-Missier” (Ġw 16:10). Meta jgħid hekk Ġesù jfisser li jiena obdejt lill-Missier, ġejt fid-dinja u għaddejt mill-mewt ħarxa tas-salib, qomt mill-imwiet u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. Il-wegħda tal-Mulej, li hi l-ġustizzja, seħħet.

Meta jsemmi l-ġudizzju, qed jgħid: intom m’għandkomx għalfejn tibżgħu għax il-prinċep ta’ din id-dinja, ix-Xitan, dak li jwebbilna l-ħażin, hu kkundannat – diġà tilef. Ħafna drabi nibżgħu. Donnu l-għedewwa ta’ Ġesù huma qawwija iżjed minn Ġesù. Le! Ġesù qed jgħid: il-kundanna diġà seħħet, m’għandkomx għalfejn tibżgħu. U għalhekk importanti li aħna u nisimgħu dan l-Evanġelju tant qrib l-aħħar ġimgħa qabel Lapsi, qabel niċċelebraw it-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, li għandna nimtlew bit-tama, bit-tama li kellu dak ir-raġel li qed jieħu ħsieb il-ħabs li meta sar it-terremot – smajtuh fl-ewwl qari – qal: issa sew, jiena qiegħed fl-inkwiet għax ħarbu l-ħabsin.

Imma Pawlu u sieħbu baqgħu hemm u Pawlu jgħidlu: “Tagħmilx ħsara lilek innifsek. Aħna hawn qegħdin” (Atti 16:28). U dak li kien jieħu ħsieb il-ħabs jirrealizza li dawn kienu nies speċjali, ma ħarbux. U mhux biss dewwilhom il-ġrieħi imma temagħhom, laqagħhom id-dar tiegħu u sar Nisrani. Irrealizza li ssir taf lil Ġesù, tkun ħabib tiegħu, hi xi ħaġa li tassew tagħtik il-libertà. Dak li kien jieħu ħsieb il-ħabs, xogħlu kien li jpoġġi l-ħabsin fil-magħluq, biex ma jaħarbux. Imma dawk il-ħabsin lilu tawh il-libertà għax laqqgħuh ma’ Ġesù. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù, anke jekk ikun fil-ħabs għal Ġesù, xorta jibqa’ liberu.

Aħna llum nitolbu biex inkunu dejjem ħbieb ta’ Ġesù. Ngħiduhielu flimkien: ‘Ġesù, agħtini l-grazzja li jiena dejjem inkun ħabib tiegħek’. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 16:22-34
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,7ċ-8
L-Evanġelju: Ġw 16:5-11

Aktar ritratti >>