Illum Kristu Rxoxt jidher lid-dixxipli u lilhom, li kienu abbandunawh, joffrilhom il-ħniena tiegħu, billi jurihom il-pjagi tiegħu. Il-kelmiet li jgħidilhom għandhom ritmu ta’ tislima, li fil-Vanġelu tal-lum tidher tliet darbiet: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19,21,26). Is-sliem għalikom! Din hi t-tislima tal-Irxoxt, li jiġi jiltaqa’ ma’ kull dgħufija u żball tal-bniedem. Ejjew mela nimxu ma’ dawn it-tliet sliem għalikom! ta’ Ġesù: niskopru fihom tliet azzjonijiet tal-ħniena divina fina. Hi qabelxejn tagħti l-ferħ; imbagħad tqanqal il-maħfra; u fl-aħħar tfarraġ fit-taħbit.
1. Qabelxejn il-ħniena ta’ Alla tagħti l-ferħ, ferħ speċjali, il-ferħ li nħossuna maħfura b’xejn. Meta nhar l-Għid filgħaxija d-dixxipli raw lil Ġesù u semgħuh jgħidilhom għall-ewwel darba Is-sliem għalikom!, huma ferħu (ara v. 20). Kienu magħluqin fid-dar bil-biża’; imma kienu wkoll magħluqin fihom infushom, mifnija minn sens ta’ falliment. Kienu dixxipli li kienu abbandunaw lill-Imgħallem: fil-mument tal-arrest tiegħu, kienu ħarbu. Pietru kien saħansitra ċaħdu tliet darbiet u wieħed mill-grupp tagħhom – proprju wieħed minnhom! – kien it-traditur. Kienu raġunijiet biex iħossuhom mhux biss imbeżżgħin, imma falluti, ma jiswew għal xejn. Veru li fil-passat kienu għamlu għażliet kuraġġjużi, kienu mxew wara l-Imgħallem bil-ħeġġa, l-impenn u l-ġenerożità, imma fl-aħħar kollox raw jinħattilhom; il-biża’ kien rebaħ u kienu wettqu l-agħar dnub: ħallew waħdu lil Ġesù fil-mumenti l-iżjed traġiku. Qabel l-Għid kienu jaħsbu li kienu ddestinati għal ħwejjeġ kbar, jiddiskutu fuq min kien l-ikbar fosthom u ħwejjeġ bħal dawn… Issa sabu ruħhom proprju jmissu l-qiegħ.
F’din il-klima tasal is-sliem għalikom!. Id-dixxipli messhom ħassewhom jiregħxu bil-mistħija, u minflok huma jifirħu. Min ħa jifhimhom… Għaliex? Għax dak il-wiċċ, dik it-tislima, dawk il-kelmiet jispostaw l-attenzjoni tagħhom minn fuqhom infushom għal fuq Ġesù. Fil-fatt “id-dixxipli ferħu”, jippreċiża t-test, “meta raw lill-Mulej” (v. 20). Insew lilhom infushom u l-fallimenti tagħhom u nġibdu mill-ħarsa ta’ għajnejh, li ma kienx fiha severità, imma ħniena. Kristu ma qagħadx jilmenta fuq il-passat, imma qasam magħhom it-tjieba li minn dejjem kellu. U dan jerġa’ jimliehom bil-ħajja, isawwab fi qlubhom il-paċi li kienu tilfu, jagħmilhom bnedmin ġodda, imsoffija minn maħfra mogħtija bla qies, maħfra mogħtija bla ebda merti tagħhom.
Dan huwa l-ferħ ta’ Ġesù, il-ferħ li ġarrabna aħna wkoll meta doqna l-maħfra tiegħu. Ġralna li sirna nixbhu lid-dixxipli tal-Għid: wara li waqajna, dnibna, fallejna. F’dawk il-mumenti donnu jidher li ma fadal xejn x’jista’ jsir. Imma proprju hemm il-Mulej jagħmel minn kollox biex jagħtina s-sliem tiegħu: permezz ta’ Qrara, tal-kelmiet ta’ persuna li tersaq qrib tagħna, ta’ faraġ ġewwieni tal-Ispirtu, ta’ ġrajja mhux mistennija u sorprendenti… B’diversi modi Alla jagħmel minn kollox biex iġagħalna nħossu t-tgħanniqa tal-ħniena tiegħu, ferħ li nħossu meta nirċievu “l-maħfra u l-paċi”. Iva, dak ta’ Alla hu ferħ li jiġi mill-maħfra u jħalli l-paċi fina. Hekk hu: jitwieled mill-maħfra u jħalli l-paċi; ferħ li jerġa’ jerfa’ mingħajr ma jumilja, bħallikieku l-Mulej ma fehemx x’inhu jiġri. Ħuti, ejjew nagħmlu memorja mal-maħfra u tal-paċi li rċivejna mingħand Ġesù. Kull wieħed u waħda minna rċevihom; kull wieħed u waħda minna għandu esperjenza tagħhom. Ejjew nippruvaw niftakru ftit, jagħmlilna tajjeb! Ejjew inqiegħdu t-tifkira tat-tħaddina u taż-żegħil ta’ Alla quddiem dik tal-iżbalji u tal-waqgħat tagħna. Hekk jikber fina l-ferħ. Għax xejn ma jista’ jibqa’ kif kien qabel għal min iduq il-ferħ ta’ Alla! Dan huwa ferħ li jibdel.
Jekk nieħdu ħsieb tal-pjagi tal-proxxmu u nsawbu fuqhom il-ħniena, terġa’ titwieled fina tama ġdida, li tfarraġ fit-taħbit
2. Is-sliem għalikom! Il-Mulej jgħid għat-tieni darba: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (v. 21). U lid-dixxipli jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, biex jagħmilhom operaturi tar-rikonċiljazzjoni: “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura” (v. 23). Mhux biss jirċievu l-ħniena, imma jsiru dawk li jqassmu minn din l-istess ħniena li rċivew. Jirċievu din is-setgħa, imma mhux għax jistħoqqilhom huma, jew għax studjaw, le: huwa purament don ta’ grazzja, imma li jserraħ fuq l-esperjenza tagħhom ta’ bnedmin maħfura. U jiena ndur fuqkom, missjunarji tal-Ħniena: jekk kull wieħed minnkom ma jħossux maħfur, aħjar jieqaf u ma jagħmel xejn il-ħidma ta’ missjunarju tal-Ħniena, sakemm ma jibdiex iħossu maħfur. U minn dik il-ħniena li rċevejtu tkunu kapaċi tagħtu tant ħniena, tagħtu tant maħfra. U llum u dejjem fil-Knisja l-maħfra hekk trid tilħaqna, permezz tat-tjieba umli ta’ konfessur ħanin, li jaf li hu ma jistax iżomm għalih xi setgħa, imma huwa kanal ta’ ħniena, li jxerred fuq l-oħrajn il-maħfra li l-ewwel li gawda minnha kien hu. U minn hawn jiġi li naħfru kollox, għax Alla kollox jaħfer, kollox u dejjem. Huwa aħna li negħjew nitolbu l-maħfra, imma hu dejjem jaħfer. U intom għandkom tkunu kanali ta’ din il-maħfra, permezz tal-esperjenza tagħkom li ġejtu maħfura. Ma għandkomx toqogħdu tittorturaw il-fidili li jiġu għandkom bid-dnubiet, imma ifhmu x’ġara, agħtu widen u aħfru, u agħtu parir tajjeb biex tgħinu lil dak li jkun jimxi ’l quddiem. Alla kollox jaħfer: ma nistgħux nagħlqu dak il-bieb…
“Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura”. Dawn il-kelmiet huma fil-bidu tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, imma mhux biss. Ġesù lill-Knisja kollha għamilha komunità li tqassam il-ħniena, sinjal u strument ta’ rikonċiljazzjoni għall-umanità. Ħuti, kull wieħed u waħda minna fil-Magħmudija rċieva l-Ispirtu s-Santu biex ikun bniedem ta’ rikonċiljazzjoni. Meta nduqu l-ferħ li ġejna meħlusin mill-piż tad-dnubiet tagħna, tal-fallimenti tagħna; meta nafu aħna stess xi jfisser titwieled mill-ġdid, wara esperjenza li dehret qisha sqaq li ma stajniex noħorġu minnu, allura jkun hemm bżonn li naqsmu ma’ min jinsab maġenbna l-ħobż tal-ħniena. Ejjew inħossuna msejħin għal dan. U nistaqsu lilna nfusna: jiena, hawn fejn ngħix, hawn, fil-familja, jiena, fuq ix-xogħol, fil-komunità tiegħi, qed nippromovi l-komunjoni, jiena nissieġ ta’ rikonċiljazzjoni? Inħabrek biex insewwi l-ġlied, biex inġib il-maħfra fejn hemm il-mibegħda, il-paċi fejn hemm il-korla? Jew naqa’ jiena wkoll fid-dinja tas-seksik, li dejjem joqtol? Ġesù qed ifittex fina xhieda quddiem id-dinja ta’ dawn il-kelmiet tiegħu: Is-sliem għalikom! Irċivejt il-paċi: issa ngħaddiha lill-ieħor.
3. Is-sliem għalikom!, itenni l-Mulej għat-tielet darba meta jerġa’ jidher tmint ijiem wara lid-dixxipli, biex jikkonferma l-fidi mħabbta ta’ Tumas. Tumas ried jara u jmiss. U l-Mulej ma jiskandalizzax ruħu min-nuqqas ta’ fidi tiegħu, imma jiġi jiltaqa’ miegħu: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja” (v. 27). Mhumiex kelmiet ta’ sfida, imma ta’ ħniena. Ġesù jifhem id-diffikultà ta’ Tumas: ma jimxix miegħu b’id tal-ħadid u l-Appostlu jħossu mriegħed minn ġewwa minn tant tjieba. U hekk, minn wieħed li ma jemminx isir bniedem ta’ fidi, u jagħmel l-iktar stqarrija ta’ fidi sempliċi u sabiħa: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (v. 28). Hija invokazzjoni sabiħa, nistgħu nagħmluha tagħna u ntennuha matul il-jum, fuq kollox meta nħossu d-dubji u d-dalma, bħal Tumas.
Għax f’Tumas hemm l-istorja ta’ kull min jemmen, ta’ kull wieħed u waħda minna: hemm mumenti diffiċli, li fihom donnha l-ħajja qed tgiddeb il-fidi, fejn inħossuna fi kriżi u jkollna bżonn immissu u naraw. Imma, bħal Tumas, proprju hawn niskopru mill-ġdid il-qalb tal-Mulej, il-ħniena tiegħu. F’dawn is-sitwazzjonijiet Ġesù ma jiġix għandna b’mod trijonfanti u bi provi ta’ barra minn hawn, ma jwettaqx mirakli pompużi, imma joffri s-sinjali sħan tal-ħniena. Ifarraġna bl-istess stil tal-Vanġelu tal-lum: joffrilna l-pjagi tiegħu. Ma ninsewhx dan: quddiem id-dnubiet, l-ikreh dnub, tagħna jew tal-oħrajn, dejjem hemm il-preżenza tal-Mulej li joffrilna l-pjagi tiegħu. Ma ninsewhx. U fil-ministeru tagħna ta’ konfessuri, irridu nuru lin-nies li quddiem id-dnubiet tagħhom hemm il-pjagi tal-Mulej, li huma aqwa mid-dnub.
U jgħinna niskopru wkoll il-pjagi ta’ ħutna. Iva, il-ħniena ta’ Alla, fil-kriżijiet tagħna u fit-taħbit tagħna, spiss tpoġġina f’kuntatt mat-tbatijiet tal-proxxmu. Konna naħsbu li aħna qegħdin fil-quċċata tat-tbatija, ta’ sitwazzjoni diffiċli, u hawn, waqt li nibqgħu fis-skiet, niskopru li hemm xi ħadd li għaddej minn mumenti, żminijiet agħar. U, jekk nieħdu ħsieb tal-pjagi tal-proxxmu u nsawbu fuqhom il-ħniena, terġa’ titwieled fina tama ġdida, li tfarraġ fit-taħbit. Ejjew nistaqsu mela jekk dan l-aħħar messejniex il-ġrieħi ta’ xi ħadd li qed ibati fil-ġisem jew fir-ruħ; jekk ġibniex il-paċi lil ġisem miġruħ jew lil ruħ mifnija; jekk iddedikajniex xi ftit tal-ħin biex nisimgħu, insieħbu, infarrġu. Meta nagħmlu dan, inkunu niltaqgħu ma’ Ġesù, li mill-għajnejn ta’ min hu mġarrab mill-ħajja qed iħares lejna bil-ħniena u jgħidilna: Is-sliem għalikom! U nieħu pjaċir naħseb fil-preżenza tal-Madonna fost l-Appostli, hemm, u kif wara Għid il-Ħamsin rajna fiha Omm il-Knisja: u nieħu pjaċir wisq naħseb fiha t-Tnejn, wara Ħadd il-Ħniena, bħala Omm il-Ħniena: ħa tkun hi li tgħinna nimxu ’l quddiem fil-ministeru hekk sabiħ tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard