-
Fid‑dawl tad‑diskussjonijiet preżenti dwar l‑emendi għall‑Att dwar il‑Protezzjoni tal‑Embrijuni, il‑Kummissjoni Ġustizzja u l‑Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed issejjaħ għal djalogu responsabbli li jmur lil hinn minn pożizzjonijiet polarizzati, u li jkun iffukat fuq il‑ġid komuni ta’ kulħadd mingħajr ma jiġu attakkati personalment dawk li għandhom fehmiet opposti.
Mhijiex l‑intenzjoni tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li tirrepeti dak li l‑Knisja diġà espremiet b’mod ċar dwar dawn il‑proposti. Madanakollu, il‑Kummissjoni tixtieq tikkummenta dwar il‑proċess li bih qed titwettaq azzjoni politika fis‑soċjetà tagħna.
L‑Insara jista’ jkollhom rwol li jsawru l-futur tal‑Ewropa billi jippromwovu d‑djalogu politiku
Ma hemmx kliem aħjar biex nikkummentaw dwar il‑ħtieġa għal djalogu miftuħ u bbilanċjat minn dawk li lissen il‑Papa Franġisku stess f’Ottubru li għadda lill‑parteċipanti tal‑konferenza (Re)Thinking Europe, fil‑Vatikan. L‑Insara jista’ jkollhom rwol li jsawru l-futur tal‑Ewropa billi jippromwovu d‑djalogu politiku “speċjalment fejn dan hu mhedded u fejn donnu qed jerfa’ rasu l‑kunflitt”.[1] Minflok tippromwovi d‑djalogu, il‑politika “qed tinbidel f’forum ta’ skontru bejn forzi li jeħduha kontra xulxin. Flok il‑leħen tad‑djalogu għandna l‑għajat ta’ min ifittex id‑dritt tiegħu.”[2] Il‑Papa stieden lill‑mexxejja politiċi biex jippromwovu l‑Ewropa bħala “komunità inklużiva”, fejn id‑differenzi jingħataw valur u jitqiesu “bħala wirt komuni u li minnu jistagħna kulħadd.”[3]
Soċjetà li tqis lilha nnifisha bħala soċjetà ġusta mhijiex soċjetà li tpinġi lilha nnifisha bħala waħda li tħabrek għall‑ugwaljanza, filwaqt li fl‑istess ħin toħnoq il‑vuċi ta’ dawk li ma jaqblux ma’ dak li qed jiġi propost f’isem l‑istess ugwaljanza.
Il‑Papa Franġisku spjega kif l‑Insara jistgħu jikkontribwixxu sabiex isolvu kunflitt politiku billi jgħinu biex jiġi rkuprat sens ta’ komunità u jippromwovu d‑djalogu politiku. Hu enfasizza li l‑Ewropa mhijiex biss “ġabra ta’ istituzzjonijiet u numri, imma hi magħmula mill‑persuni. B’dispjaċir naraw kif ta’ spiss kull kwistjoni faċilment jispiċċa jsir diskussjoni ta’ ċifri. Ma hemmx iċ‑ċittadini, hemm biss il‑voti. Ma hemmx l‑immigranti, imma l‑persentaġġi. Ma hemmx il‑ħaddiema, hemm biss l‑indikaturi ekonomiċi. Ma hemmx il‑foqra, hemm biss il‑marġini tal‑faqar.”[4]
Soċjetà li tqis lilha nnifisha bħala soċjetà ġusta mhijiex soċjetà li tpinġi lilha nnifisha bħala waħda li tħabrek għall‑ugwaljanza, filwaqt li fl‑istess ħin toħnoq il‑vuċi ta’ dawk li ma jaqblux ma’ dak li qed jiġi propost f’isem l‑istess ugwaljanza. Barra minn hekk, kwalunkwe diskussjoni li ssir f’tali soċjetà ma tistax tkun ġusta sakemm ma tkunx imsejsa fuq it‑tfittxija għall‑verità.
Il‑Kummissjoni tixtieq tingħaqad mal‑President ta’ Malta u titlob għal diskussjoni aktar dinjituża
Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi hija mħassba bil‑mod mgħaġġel li bih qed jitressqu l‑emendi proposti mill‑Parlament fi ftit jiem, u dan billi tiġi eliminata kompletament kull forma ta’ konsultazzjoni u dibattitu pubbliku strutturat, u bħala riżultat iwassal għal konfużjoni mifruxa dwar x’qed jipproponi fil‑fatt l‑abbozz tal‑Liġi. L‑għadd kbir ta’ persuni li attendew il‑mixja favur il‑ħajja li saret nhar il‑Ħadd li għadda hija prova ċara tal‑fatt li dan huwa suġġett għal qalb ħafna ċittadini, u li jqajjem tħassib wiesa’ li jaffettwa firxa kbira tas‑soċjetà.
Għalhekk, il‑Kummissjoni tixtieq tingħaqad mal‑President ta’ Malta u titlob għal diskussjoni aktar dinjituża dwar dawn il‑kwistjonijiet ferm kontroversjali. Huwa d‑dmir tal‑klassi politika li tiżgura li diskussjoni bħal din isseħħ b’mod li jiżgura li l‑partijiet kollha kkonċernati u l‑pubbliku jingħataw spazju bbilanċjat biex jesprimu l‑opinjonijiet u t‑tħassib tagħhom, u li jingħata ż‑żmien adegwat sabiex din il‑leġiżlazzjoni proposta tiġi studjata u emendata kif meħtieġ għall‑ġid komuni.
[1] https://w2.vatican.va/content/francesco/en/speeches/2017/october/documents/papa-francesco_20171028_conferenza-comece.html
[2] Ibid.
[3] Ibid.
[4] Ibid.