L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Alla f’din il-festa għażiża għalina l-Maltin, il-festa tal-Madonna ta’ Pompej, tinsisti fuq il-kapaċità u l-għożża tal-Verġni Marija li żżomm fil-qalb tagħha l-Kelma tal-Mulej u taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.

Is-silta tal-Evanġelju li għadna kemm smajna propju tikkonkludi b’din l-osservazzjoni li jagħtina l-Evanġelista Luqa: “Marija, min-naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).

Fil-festa tal-Madonna ta’ Pompej aħna nirringrazzjaw lil Alla għad-don sabiħ li tana fit-talba tar-Rużarju, talba li wara d-deċiżjoni feliċi ta’ San Ġwann Pawlu II, nistgħu ngħidu ddomm il-ħajja kollha ta’ Ġesù fil-misteri tal-ferħ il-misteri tat-twelid tiegħu, fil-misteri tad-dawl il-ħajja pubblika tiegħu, fil-misteri tal-fidwa t-tbatija li fdietna, u fil-misteri tal-glorja l-qawmien tiegħu mill-imwiet, id-don tal-Ispirtu u l-glorja tal-Verġni Marija.

Aħna wkoll allura bħal Marija, aħna u ndommu din il-kuruna ta’ ward li hija r-rużarju – għaliex rosarium tfisser propju damma ta’ ward – mistednin biex ngħożżu f’qalbna l-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù u tal-glorja ta’ Sidtna Marija, naħsbu fuqhom bejnna u bejn ruħna u nikbru f’din l-iskola tal-Evanġelju. Nistgħu ngħidu li r-rużarju mqaddes, b’mod speċjali issa fil-milja tiegħu tal-20 misteru, jagħtina minjatura sabiħa, għażiża tal-Evanġelju kollu mit-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu sal-inkurunament tal-istess ommu fil-glorja tal-ġenna bħala sultana tas-sema u tal-art.

Hija tradizzjoni qaddisa li bħal-lum f’nofsinhar tingħad talba għażiża għal Bartolomeo Longo, dan ir-raġel qaddis li tant ħadem għas-Santwarju tal-Madonna f’Pompej, u llum nitolbuha b’mod speċjali f’dan il-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-pandemija.

L-intenzjoni li nixtieq inġib quddiem ix-xbieha qaddisa tal-Madonna ta’ Pompej illum waqt li nitolbu s-supplika, hija li ma ndumux bħala poplu ta’ Alla nerġgħu nirritornaw fil-knejjes tagħna biex inqimu l-Mulej u nikbru f’din l-iskola ta’ mħabba.

Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi speċjali għandna għalfejn tassew nirringrazzjaw lil Alla għal din il-providenza li għandna t-talba tar-rużarju, talba li aħna nistgħu nitolbu fil-familji tagħna, fil-komunitajiet reliġjużi tagħna, personalment jew ma’ xi ħbieb tagħna, talba li mhux biss tfakkarna fil-misteri tal-fidwa tagħna imma hija wkoll skola ta’ għożża, ta’ silenzju u ta’ meditazzjoni.

Jalla aħna bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija ta’ Pompej nitolbu t-talba tar-rużarju billi ngħożżu f’qalbna dawn il-misteri kollha tal-ħajja ta’ Ġesù u naħsbu fuqhom bejnna u bejn ruħna.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 13, 26-33
Salm: 2, 6-7.8-9.10-11
Evanġelju: Ġw 14, 1-6