Missio Malta, f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qed tniedi Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku, pjattaforma ġdida li tiftaħ tieqa fuq id-dinja affaxxinanti tal-kappelli u l-knejjes żgħar f’Malta u Għawdex.
Stmati li huma madwar 300 b’kollox, il-kappelli u l-knejjes żgħar f’Malta, Għawdex, u Kemmuna, għandhom storja importanti x’jirrakkontaw, hekk kif huma xhieda ta’ kapitlu sħiħ fil-wirt storiku rurali ta’ Malta. Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku se jipprovdi lill-viżitaturi b’mawra virtwali dettaljata ta’ dawn il-ġawhar, li se jkun aċċessibbli fuq kull apparat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef sostna: “L-MTA hija kburija li tkompli l-kollaborazzjoni tagħha ma’ Missio Malta fuq dan il-proġett importanti. Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku juri t-teżori kulturali u reliġjużi li jinsabu fil-qalba tal-istorja tal-gżejjer tagħna, u joffri lill-Maltin u lill-viżitaturi l-opportunità li jifhmu dak kollu li għandu x’jaqsam mal-wirt rurali ta’ Malta. Din il-pjattaforma innovattiva ssaħħaħ l-impenn tagħna li nsaħħu t-turiżmu reliġjuż billi noħolqu esperjenzi immersivi li jenfasizzaw it-teżori spiritwali u arkitettoniċi mifruxa madwar il-gżejjer Maltin. Billi nagħmlu dawn il-kappelli aċċessibbli b’mod tant modern u attraenti, mhux biss qed nippreżervaw il-wirt tagħna imma wkoll qed nikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tas-settur turistiku tagħna, u niżguraw li l-istorja rikka tagħna tibqa’ pedament tal-identità nazzjonali tagħna.”
“Missio tirsisti biex tiskopri u tiżviluppa opportunitajiet ta’ sostenibbiltà, sabiex tkompli bil-missjoni ewlenija tagħha li tappoġġja komunitajiet f’aktar minn 1,200 raħal fl-Afrika, l-Asja, u l-Amerika t’Isfel. Permezz ta’ Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku, Missio se toffri prodott ta’ kwalità għolja kemm għal nies lokali kif ukoll għat-turisti li huma interessati fil-wirt reliġjuż u storiku tagħna, bi ħlas żgħir li jappoġġja l-ħidma ta’ Missio. Barra minn hekk, il-pubbliku jkun jista’ jżid donazzjoni jekk ikun jixtieq,” qal Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.
Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku se jipprovdi għall-ewwel darba katalogu komplut tal-kappelli u l-knejjes żgħar kollha f’Malta. Il-pjattaforma ddedikata se tipprovdi mawra virtwali immersiva 3D ta’ ġewwa tal-kappella, kif ukoll veduta panoramika ta’ 360°, tal-inħawi tal-madwar. Vidjo mill-ajru taż-żona ta’ madwar il-kappella se jkompli jżid mal-esperjenza tal-viżitatur.
Il-pjattaforma wkoll se tagħti lill-viżitaturi informazzjoni storika dettaljata u preċiża dwar kull kappella, inkluż informazzjoni dwar il-qaddis li għaliha hija ddedikata, l-importanza arkitettonika tagħha, u kwalunkwe stejjer jew leġġendi li jistgħu jeżistu madwar il-binja.
Dan kollu, flimkien ma’ rakkont awdjo, se jkun aċċessibbli fuq il-post tal-kappella stess, permezz ta’ kodiċi QR.
L-objettiv ġenerali ta’ dan il-proġett huwa li jippromwovi l-interess fil-wirt rurali ta’ Malta kif ukoll li jfittex li jkabbar it-turiżmu bbażat fuq il-fidi. Dan il-proġett se jiġi maħluq bil-Malti, kif ukoll f’ħames lingwi oħra ewlenin biex tiżgura aċċessibbiltà kemm jista’ jkun wiesgħa.