Fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Kardinal Prospero Grech mexxa laqgħa informali mal-ġurnalisti. Din saret fuq xewqa tal-Kardinal innifsu. Din hija l-ewwel darba li l-Kardinal Grech qed iżur Malta mill-ħatra tiegħu ta’ Kardinal fi Frar li għadda, mill-Papa Benedittu Sittax.

Il-Kardinal Prospero Grech qal li l-ikbar sfida li l-Knisja qed tħabbat wiċċha magħha hija r-realtà tar-relattiviżmu li l-Papa jiddiskrivih bħala n-nuqqas fil-valuri.

Mistoqsi jekk iż-żgħażagħ hux qed jitbiegħdu mill-Knisja, qal li tajjeb li jippruvaw jifhmu lil Knisja qabel iwarbuha. Ta l-eżempju tal-Italja, fejn ilu jgħix għal 65 sena fejn qal li ħafna ma jridux jiżżewġu għax huma qalbhom maqtugħa mit-tkissir fiż-żwiġijiet. Qal li l-Knisja qed toffri s-sagrament taż-żwieġ u talab biex iż-żagħżagħ ma jiċħduhx.

Dwar id-divorzju u l-IVF, il-Kardinal Grech enfasizza li t-twemmin tal-Knisja ma jinbidilx skont il-voti ta’ referendum imma jżomm mad-dutrina tal-Appostli. Huwa tenna il-fehma tal-Isfqijiet Maltin meta qalu li l-Knisja trid tkompli twassal il-messaġġ tagħha dwar temi kurrenti. Spjega li lil dawk li jemmnu, il-Knisja tagħtihom il-prinċiplji ma xiex jimxu, filwaqt li għall-oħrajn tiddiskuti skont il-liġi naturali, li tispjega l-konsegwenzi li jistgħu jinqalaw.

Intant huwa spjega li l-Knisja ma tista’ qatt tagħmel biżżejjed maż-żagħżagħ filwaqt li tispjega l-valur tas-sagrament taż-żwieġ. Semma l-laqgħat kbar li jkollu l-Papa maż-żagħżagħ.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com