Il-Kardinal Malti Mario Grech, li jinsab f’Addis Ababa, l-Etjopja, għall-Assemblea Kontinentali tal-Afrika, sab il-ħin jiltaqa’ mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù li jservu lill-komunità f’dan il-pajjiż.

Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, kellu laqgħa mill-isbaħ ma’ dawn is-sorijiet, immexxija minn Madre Lutgarda li ilha sservi din il-missjoni għall-aħħar 54 sena, fejn fost l-oħrajn għandha r-responsabbiltà ta’ orfanotrofju.

Hu tkellem magħhom dwar il-missjoni ta’ dawn is-sorijiet, u esprima kemm hu kburi li l-Maltese Sisters kif jirreferu għalihom b’għożża l-Etjopjani, ġejjin minn ordni reliġjuża li twieldet fid-Djoċesi tiegħu, f’Għawdex.

Iż-żjara tal-Kardinal Grech qajmet entużjażmu kbir fost dawn ir-reliġjużi, tant li l-kelma malajr xterdet u kellu wkoll laqgħa mas-soru Lux Marie Grech, tas-Sorijiet tal-Karità ta’ Madre Tereża.

F’messaġġ lid-Djoċesi ta’ Għawdex, il-Kardinal Grech qal li dawn il-laqgħat qanqlulu memorji u tifkiriet ta’ Monsinjur George Grima li waqqaf il-Moviment Ġesù fil-Proxxmu u ħadem ħafna f’dan il-pajjiż Afrikan. Minfloku, illum hu Dun Alex Cauchi li qed ikompli din il-ħidma.

Irrakkonta wkoll is-sorpriża li ħa meta fuq l-iskrivanija fl-uffiċċju tal-Kardinal Berhaneyesus Souraphiel, Arċisqof tad-Djoċesi ta’ Addis Ababa, lemaħ ritratt tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani.

“Minn Ta’ Kerċem fejn twieldet, Madre Margerita waslet Addis Ababa!” iddikjara l-Kardinal Mario Grech.

Sors: Newsbook.com.mt