Cardinal Edwin F. O'Brien

Lejliet l-ewwel vjaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa bħala Gran Mastru tal-kavallieri tas-Santu Sepulkru, il-Kardinal Edwin F. O’Brien qal li jittama li jinkoraġixxi lill-minorita nisranija tar-reġjun b’messaġġ ta’ solidarjeta mill-Papa Benedittu XVI  u kattoliċi oħra tal-Punent.

“Il-Knisja fl-Art Imqaddsa ilha taħt dominazzjoni nieqsa mill-ħbiberija għal sekli sħaħ, u l-fatt li għadna neżistu hu kważi miraklu”, qal il-Kardinal O’Brien lil Catholic News Service.

“Neħtieġu nagħmlu dak kollu possibbli bħala poplu kattoliku sabiex ninkoraġġixxu lin-nies f’din l-art sabiex nuruhom li aħna ħaġa waħda magħhom it-taqbid li jġarrbu”.

Il-kardinal, li kien Arċisqof ta’ Baltimore u li l-Papa għażlu biex imexxi l-ordni tal-kavallieri f’Awwissu 2011, ħalla Ruma għal pellegrinaġġ ta’ ġimgħa, bl-itinerarju jinkludi żjarat f’Ġerusalemm, Betlehem, ix-Xatt tal-Punent, Amman u l-Ġordan. Skedata wkoll laqgħa mal-Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm, Fouad Twal, Pirjol ewlieni tal-Ordni, kif ukoll laqgħat ma’ mexxejja Kattoliċi, Ortodossi u Musulmani. Il-kardinal pjana wkoll li jiltaqa’ ma’ ftit mill-istituzzjonijiet li jammontaw aktar minn mija, li l-kavallieri jappoġġjaw fir-reġjun, inklużi parroċċi, skejjel u anki l-Universita ta’ Betlehem. Il-kardinal ma kienx se jżur l-Istrixxa ta’ Gaża u ma kienx jantiċipa li l-kunflitt riċenti  kien se jaffettwa ż-żjara tiegħu li ilha pjanata mis-sena li għaddiet. Innota pero li l-Patrijarka Twal kien minn ta’ quddiem jgħin lill-vittmi tal-vjolenza waqt il-kunflitt.