Nhar it-Tlieta 7 t’Awwissu, l-E.T. Il-Kardinal Prospero Grech O.S.A. żar id-Dar tal-Providenza fejn iltaqa’ mar-residenti u l-ħaddiema kif ukoll mal-membri tal-Amministrazzjoni. Mal-wasla tiegħu, huwa ingħata merħba mill-Arċisqof Mons. Pawl Cremona O.P. u mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef. Preżenti wkoll kien hemm l-Arċisqof Emeritus Mons Gużeppi Mercieca, s-Sindku tas-Siġġiewi, Dr Karol Aquilina u l-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Fr Joe Grech.
Huwa żar il-kappella tad-Dar kif ukoll il-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u ffirma l-ktieb tal-viżitaturi u wara għamel mument ta’ talb quddiem il-qabar ta’ Dun Mikiel. Aktar tard il-Kardinal Grech kixef lapida kommemorattiva fid-daħla ta’ Villa Mons. Gonzi. Il-lapida tfakkar kemm iż-żjara tiegħu fid-Dar kif ukoll il-ġenituri tiegħu, Vincent u Amelia Grech benefatturi tad-Dar tal-Providenza. Huwa kien mistieden għal ikla mogħtija f’ġieħu.