Nhar it-Tnejn 9 t’April 2012, ir-Reliġjużi Karmelitani tal-Provinċja Karmelitana Maltija ltaqgħu fid-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ fir-Rabat biex jiċċelebraw il-Kapitlu Provinċjali. Il-Kapitlu Provinċjali, li jsir kull tliet snin, qiegħed ikun presedut mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan Patri Fernando Millán Romeral, u se jdum sal-Ġimgħa 13 t’April 2012. Għal din l-okkażjoni, qed jakkumpanja lill-Pirjol Ġenerali, il-Kunsillier Ġenerali Patri John Keating.
F’dan il-Kapitlu Provinċjali, ir-reliġjużi jagħmlu evalwazzjoni tal-ħajja Karmelitana fil-Provinċja, u programmazzjoni għat-tliet snin li ġejjin.
Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li tat bidu għall-Kapitlu Provinċjali, il-Pirjol Ġenerali kkonferma l-elezzjoni ta’ Patri Michael Farrugia bħala l-Pirjol Provinċjali. Il-Pirjol Ġenerali, minbarra li kkonferma din l-għażla, ikkonferma wkoll l-elezzjoni ta’ Patri Alexander Vella, Patri Charles Mallia, Patri Maurice Abela u Patri Alexander Scerri bħala Kunsillieri tal-Provinċjal. Il-Provinċjal għażel lil Patri Maurice Abela bħala Segretarju Provinċjali.