Syria-violence

In-Nunzju Appostoliku għall-Eġittu u l-Kajr, ibbażat fil-Lega Għarbija, irrefera għall-kriżi fis-Sirja u qal li “qatt mhu tard wisq biex wieħed iċedi l-vjolenza”. Ilbieraħ is-Sirja qalet li sal-lum kellha tirtira l-preżenza militari mill-ibliet kollha biex eventwalment tagħti spazju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ paċi bejn il-Ġnus Maqgħuda u l-Lega Għarbija imħeġġeġ mill-mibgħut Kofi Annan.

Mons Fitzgerald qal li “l-missjoni ta’ Annan hi sors ta’ tama għar-restawr tal-paċi fis-Sirja, pero għal dan hemm ukoll il-kundizzjonijiet”. Hu fisser l-aspirazzjonijiet lejn il-futur, lejn il-bini mill-ġdid tas-Sirja, bil-bażi tkun l-istorja twila ta’ ko-eżistenza fil-paċi għall-bosta komunitajiet reliġjużi u etniċi differenti fil-pajjiż.

Fil-jiem li għaddew Mons Fitzgerald nieda appell urġenti għall-waqfien mill-użu ta’ vjolenza li qed tkompli tikkawża aktar telf ta’ ħajjiet innoċenti. Hu kien qed jieħu sehem fit-tieni laqgħa tal-Friends of the Syrian People, fi ftuħ dax-xahar f’Istanbul, it-Turkija.

“Tennejt l-istess appell li fi Frar li għadda għamel il-Papa Benedittu XVI, li sfortunatament għadu rilevanti għax il-vjolenza u t-tixrid tad-demm  ma waqfux. Il-vjolenza, li loġikament, iġġib magħha aktar vjolenza, trid tieqaf”, kompla Fitzgerald.

Fl-intervent tiegħu, l-Arċisqof qal li l-vittmi tal-vjolenza, inklużi t-tfal, m’għandhomx jintesew, u d-djalogu, flimkien mal-ispirtu ta’ rikonċiljazzjoni u sens ta’ restawr tal-paċi, għandhom jingħataw priorita minn kulħadd.

Huwa temm jaċċenna għall-isforzi tas-Santa Sede sabiex jasal iżjed l-appell għal ftuħ tal-aċċess għall-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, speċjalment għal dawk li spiċċaw vittmi tal-vjolenza. Dan, fi kliemu, jista’ jsir b’sens ta’ koperazzjoni bejn kulħadd, kemm fuq livell lokali, kif ukoll fuq livell internazzjonali.