-
Fil‑lejl ta’ bejn il‑Ġimgħa u s‑Sibt li ġej, 29 u 30 ta’ Marzu 2019, is‑seminaristi flimkien mal‑Kapitlu Metropolitan se jorganizzaw ‘24 siegħa għall‑Mulej’. Il‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina se jkun miftuħ lejl sħiħ u għadd ta’ saċerdoti se jkunu disponibbli għas‑Sagrament tal-Qrar matul din il-velja. Il‑Katidral se jkun miftuħ mill‑Ġimgħa fis‑7:00 p.m. sas‑Sibt fit‑8:00 a.m.
Huwa l‑Papa Franġisku li nhar il‑Ġimgħa filgħaxija fil‑Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma se jagħti bidu għas‑sitt edizzjoni ta’ ‘24 siegħa għall‑Mulej’. L‑għan tal‑inizjattiva hu li fil‑jiem ta’ qabel ir‑raba’ Ħadd tar‑Randan kull djoċesi madwar id‑dinja jkollha knisja miftuħa matul il‑lejl biex toffri riflessjonijiet, kant, qrar u spazju ta’ skiet quddiem Ġesù Sagramentat.
Matul l-‘24 siegħa għall‑Mulej’ il-Kattoliċi huma mħeġġa jersqu lejn il-qrar u jagħrfu l‑kobor tal‑ħniena u l‑imħabba tal‑Mulej, b’mod speċjali ż‑żgħażagħ li jixtiequ jiskopru mill‑ġdid is‑sens tal‑ħajja tagħhom. Kif ifakkar il‑Papa Franġisku fl‑ittra appostolika Misericordia et Misera: “Is‑Sagrament tar‑Rikonċiljazjoni għandu bżonn li jerġa’ jsib il‑post ċentrali tiegħu fil‑ħajja Nisranija”.
-