L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Min jaf kemm-il darba għedna lil xulxin u smajnieha: isma’ ħadd mhu perfett u Ġesù jgħidilna: “Kunu perfetti” (Mt 5:48). Issa l-perfezzjoni veru qiegħda fis-sema biss. Jgħidu li l-orjentali meta jagħmlu tapit sabiħ iħallu difett għax jgħidu l-perfezzjoni fis-sema biss qiegħda, fl-art anke f’tapit sabiħ irid ikun hemm xi difett. U nistgħu ngħidu li din tgħodd għal kull wieħed u waħda minna. Min jaħseb li hu perfett joqgħod naqra attent. Aħna nwarrbulu ħa jgħaddi jew ħa tgħaddi imma noqogħdu naqra attenti.

San Pawl għandu espressjoni sabiħa: min jaħseb li hu bilwieqfa joqgħod attent li ma jaqax. Imma allura xi jrid jgħid Ġesù meta jgħidilna: “Kunu mela perfetti?” Qed jitkellem dwar il-milja tal-imħabba. Il-kelma ‘perfett’ hi wkoll tissieħeb fil-lingwa oriġinali li bih inkiteb l-Evanġelju mal-fatt li inti tilħaq is-sħuħija tal-imħabba. L-imħabba tiegħek tgħixha b’mod sħiħ, b’mod perfett. U l-kejl li tana hu l-imħabba tal-għedewwa. Mhux kelma faċli din anzi hi xi ħaġa iebsa. Inti tħobb lil min jagħmillek il-ħsara, min jagħmillek ħajtek infern biex nużaw espressjoni li kultant nisimgħu? Għamilli ħajti infern u nħobbu?

L-aħwa, din forsi hi l-iżjed kelma diffiċli tal-Evanġelju għax tolqot ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, tolqot ukoll il-weġgħat li nħossu meta nkunu vittmi ta’ inġustizzja, vittmi ta’ dispett, ta’ tgħajjir, ta’ kalunnji, ta’ malafama. Hawn min jitlef ix-xogħol minħabba kelma iebsa li wieħed jgħid fuqu inġustament.

Imbagħad aħna b’ċerta faċilità imma nitkellmu b’mod tant goff u iebes fuq xulxin. Ħa tiġġieled għall-ġustizzja, ħa titħabat għall-ġustizzja imma qatt ma għandek tinżel daqshekk baxx li tgħajjar, tmaqdar u tkun dispreġġjattiv fi kliemek. Dak mhux l-ispirtu ta’ Ġesù. U min jagħmel hekk ikun qed ifarrak l-ideal sabiħ li għalih isejjaħ lilu nnifsu forsi attivista jew paladin jew difensur. Inti tista’ tiġġieled għall-ġustizzja u tgħajjar lill-avversarju tiegħek?

U Ġesù kif għexha din il-kelma? Għax ħafna drabi aħna ngħidu: din kelma iebsa. Imma ejjew  naraw ftit. Ġesù għexha din il-kelma? Meta ppersegwitajnieh lil Ġesù? Diversi drabi imma l-iżjed  waħda kbira li għamilnielu hi meta sallabnieh, aħna l-bnedmin! U fuq is-salib x’qal? “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Aħfrilhom. U hu lill-għedewwa tiegħu jsir l-avukat tagħhom mhux talli ma jobgħodhomx, jagħti ħajtu għalina li konna aħna l-għedewwa tiegħu. 

Ħa titħabat għall-ġustizzja imma qatt ma għandek tinżel daqshekk baxx li tgħajjar, tmaqdar u tkun dispreġġjattiv fi kliemek. Dak mhux l-ispirtu ta’ Ġesù.

Bħalma jgħid San Pawl: li wieħed imut għal sħabu jew għal min iħobbu tifhimha imma li wieħed imut għal min iridlu d-deni jew irid joqtlu, din ma nifhimhiex jgħid San Pawl. Diffiċli tifhimha. U inti tħares lejn Ġesù msallab u tifhem għaliex qalilna: “Meta nintrefa’ tħarsu lejja u  niġbed il-ġnus lejja” (ara Ġw 12:32) u aħna ninġibdu lejh.

M’ilux għamilna l-festa sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù. Għaliex ninġibdu lejn Ġesù? Għax hu jgħallimna l-perfezzjoni fl-imħabba imma b’mod konkret. Ġesù meta kellu bżonn jgħidilna kliem ta’ verità qalhom, imma l-kelma ta’ Ġesù anke meta hi kelma ta’ ċanfira u kelma iebsa, tibqa’ dejjem kelma ta’ mħabba. Jalla aħna nħarsu lejh u nitgħallmu minnu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Kor 8:1-9
Salm: 145 (146):1b-2,5-6,7,8-9a
L-Evanġelju: Mt 5:43-48