L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għajn b’għajn u sinna b’sinna” (Mt 5:38) hija espressjoni li nisimgħuha anke fi żmienna. Tismagħha ġieli fil-politika jew f’oqsma oħra. Tfisser li għal kull daqqa li tirċievi, tagħti daqqa oħra; għal kull insult li jagħmlulek, tinsulta int ukoll. Imma din mhix espressjoni li nibtet fi żmienna. Hija antika ħafna. Għalhekk Ġesù fl-Evanġelju jgħid “Smajtu x’intqal”, jiġifieri fit-Testment il-Qadim kienet tintuża din l-espressjoni. Tajjeb nistaqsu: meta nsibuha fit-Testment il-Qadim qalb in-nies, ifisser li dak iż-żmien kienu jħeġġu t-tpattija, jew ibierku t-tpattija?

Ma kienx hekk, le. Nifhmuha din jekk aħna naraw, fil-fatt, għaliex kienet tintuża dak iż-żmien. Meta daħlet “għajn b’għajn u sinna b’sinna”, ma daħlitx biex tagħti lok lil xi ħadd, tgħidlu: int għandek tpatti, jekk tirċievi vendikazzjoni, int għandek tivvendika ruħek. Ma kinitx hekk, imma daħlet bħala restrizzjoni. F’mentalità dak iż-żmien li jekk xi ħadd għamillek il-ħsara, int tagħmillu ħafna aktar milli għamillek – jekk, per eżempju, qatillek annimal, toqtollu ħamsin; jekk tak daqqa, tagħtih mhux waħda imma ħafna – din daħlet bħala restrizzjoni biex ir-reazzjoni tkun proporzjonata. Jekk xi ħadd għamillek xi ħaġa, li tagħmillu int irid ikun jaqbel – mhux, per eżempju, kissirlek sinna u tkissirlu x-xedaq.

Ġesù lid-dixxipli tiegħu jagħmilha ċara li ma jridx li jirraġunaw hekk. Ma jridx li aħna nirraġunaw illum ukoll “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Ġesù jrid minna li aħna, jekk xi ħadd jinsultana, ma ninsultawhx lura; jekk xi ħadd iweġġagħna, ma nweġġgħuhx aħna; jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa ħażina fuqna, ma ngħidux aħna xi ħaġa fuqu jew fuqha. Dan hu li Ġesù jitlob mid-dixxipli, li jitlob minna – li mhux faċli, li hu diffiċli, imma Ġesù qatt ma għażel it-triq faċli, lanqas għalina d-dixxipli tiegħu.

Nifhmu dan li jrid jgħid Ġesù. Hu jrid minna, l-ewwel nett, li aħna ma nimxux sempliċiment ma’ li nħossu. Hemm din it-tendenza llum – mhux illum biss, imma ejja nitkellmu fuq illum għax aħna llum qed ngħixu – hemm it-tendenza li int timxi ma’ li tħoss. Għalhekk jekk wieħed qallek xi ħaġa u kellmek ħażin, tkellmu ħażin ukoll, għax hekk tħoss. Ġesù ma jridx li nimxu sempliċiment ma’ li nħossu, imma ma’ li nħossu jekk hu tajjeb. Ġesù jridna wkoll li ħajjitna ma tkunx reazzjoni, imma tkun azzjoni. Reazzjoni xi tfisser? Xi ħadd għamillek xi ħaġa u int tirreaġixxi. B’dal-mod il-ħajja tagħna tkun biss kundizzjonata mill-oħrajn – x’qed jagħmlu l-oħrajn, x’qed jgħidu l-oħrajn, x’qed jaħsbu l-oħrajn. U l-ħajja tiegħek tiddependi fuq hekk. Ġesù ma jridx hekk, imma jridna nieħdu azzjoni. Iridna nieħdu azzjoni favur dak li hu tajjeb u dak li hu ġust. Jekk hemm xi ħaġa ħażina, iridna naħdmu kontriha – imma mhux bi tpattija imma għax irridu naħdmu għas-sewwa. 

Ġesù jrid minna li aħna nkissru ċ-ċiklu tal-ħażen. X’ifisser dan? Innutaw bejnietna, meta jinqalgħu l-kunflitti u l-ġlied. Kultant xi ħadd jgħajrek, imbagħad int tgħajru lura, imbagħad jgħajrek mhux lilek biss imma bil-familja tiegħek, imbagħad terġa’ tgħajru – dak hu ċ-ċiklu. U l-ħażen jixtered u jiżdied. Ġesù jridna nkissruh dan. U nkissruh jekk aħna ma nagħmlux bħal min qiegħed jinsultana, jgħajjarna, iweġġagħna, jagħmlilna l-ħsara. Hekk biss li jieqaf il-ġlied u jieqfu l-kunflitti. Din taraha ħafna drabi fil-ġlied – għalhekk kultant ma jispiċċa qatt, għax min jagħti, min imbagħad ipatti għal li jaqla’, sejrin hekk. Ġesù jrid li nieqfu lil dan.

Nafu li din mhix faċli, hi diffiċli. Kif tlabna fl-ewwel talba, aħna “bnedmin dgħajfa” li neħtieġu ħafna l-għajnuna ta’ Alla. U għal dan għandna bżonn ħafna din l-għajnuna ta’ Alla, biex aħna fil-ħajja tagħna ma nimxux b’din il-mentalità “għajn b’għajn u sinna b’sinna”, imma nimxu fuq il-kliem ta’ Ġesù li jridna nħobbu anke lil min jagħmlilna l-ħsara, nitolbu għal min iweġġagħna, u naħfru bil-qalb, kif għallimna u kif uriena hu. Araw kemm hi sabiħa, per eżempju, meta Ġesù kien qiegħed fil-Passjoni u wieħed mill-għases tal-qassis il-kbir tah daqqa ta’ ħarta. Ġesù ma tahx daqqa hu. Imma qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ idek fuqi?” (Ġw 18:23) Din hi azzjoni pożittiva – mhux tpattija – għal dak li hu sewwa, imma b’imħabba. Nitolbu lill-Mulej: għinna biex aħna f’ħajjitna nkunu mmexxija mill-ispirtu tiegħek. Ma nimxux għajn b’għajn u sinna b’sinna, imma nimxu kif għallimtna inti, biex fejn hemm il-mibegħda nqiegħdu l-imħabba, fejn hemm il-firda nġibu l-għaqda, u b’dal-mod inkunu tassew qed ngħixu l-ispirtu tiegħek.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju