L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin noqorbu lejn it-tmiem ta’ dan l-istaġun sabih tal-Għid u l-Evanġelju li għadna kemm smajna mill-kapitlu 14 ta’ San Ġwann, jibda jippreparana għall-istaġun li fih aħna nilqgħu d-don tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Imma l-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom illum huwa propju l-insistenza ta’ Ġesù meta jitkellem fuq ir-relazzjoni tagħna miegħu dwar l-imħabba. Ġesù ma jridx il-biża’ tal-iskjavitù, ma jridx atteġġjament ta’ serviliżmu – li jien tant nibża’ minn Alla li nobdih għax bilfors inkella jikkastigani. Ir-relazzjoni tagħna miegħu trid tkun relazzjoni ta’ ħbiberija intima u peress li hija relazzjoni ta’ ħbiberija intima, hija mibnija fuq l-imħabba.

“Jekk tħobbuni”. Il-Mulej b’din il-kelma qiegħed jgħidilna x’jippretendi minna. Ma jippretendix biża’ imma jippretendi mħabba. “Jekk tħobbuni ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15). Il-ħarsien tal-kmandamenti mhuwiex sikkatura imma espressjoni tal-imħabba tagħna lejh. Ikun hemm mumenti, u dawn ma jonqsu qatt, meta aħna nħossu li dak li qed jitlobna l-Mulej huwa iebes ħafna. Qed jagħmlilna kuraġġ billi jfakkarna li l-isforz li qed jitlobna, irid ikun mill-imħabba, jitwieled mill-imħabba u jwassal għall-imħabba.

It-tieni difensur, id-difensur l-ieħor, huwa l-Ispirtu s-Santu li jwegħedna. Ġesù jsejjaħlu l-ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tirċevih għax hija la tarah u lanqas taghrfu.

U fil-fatt is-silta tal-lum tibda propju b’din ir-rabta bejn l-imħabba u l-ħarsien tal-kmandamenti u tikkonkludi bi statementqawwi ta’ Ġesù: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Tgħiduli: ‘imma dawn il-kmandamenti liema huma?’ Ovvjament hemm l-10 kmandamenti li aħna tgħallimna mit-tradizzjoni tal-poplu Lhudi li ngħataw bħala sinjal tal-ħelsien tal-poplu Lhudi. Ma ninsewx li meta l-Mulej fil-ktieb tad-Dewteronomju jipprreżenta l-kmandamenti, l-10 kmandamenti jew l-10 kelmiet lill-poplu tiegħu, ifakkarhom li huwa Alla li ħelishom mill-jasar tal-Eġittu. Il-kmandamenti huma liġi ta’ libertà. U min  iħarishom u b’mod speċjali ma jinsiex li jinġabru fil-kmandament tal-imħabba li huwa tal-Mulej, min iħarishom ikun qed jesprimi l-imħabba tiegħu lejn il-Mulej. “Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier u jien ukoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14:21).

It-tieni ħsieb li xtaqt naqsam magħkom jiġi mill-kumment li kważi Ġesù jagħmlu hekk, mingħajr ma jieqaf ħafna fuqu. “Jiena nitlob lill-Missier”, jgħid, “Hu jagħtikon difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14:16). Ma jgħidx difensur, Ġesù jgħid ‘difensur ieħor’. Issa l-kelma oriġinali hija ‘paracletos, paraklitu’. Aħna kultant ngħidu l-Ispirtu s-Santu paraklitu imma dan paraklitu xi tfisser? Hija l-Grieg għal ‘avukat – advocatus, paracletos’. Dak li jiena nsejjaħ biex ikun miegħi u jiddefendini. U għalhekk jgħid difensur ieħor. Hemm tradizzjonijiet antiki li minflok ‘difensur’ jgħidu ‘konsolatur’ imma mhuwiex wieħed li jfarrġek imma wieħed li huwa msejjaħ biex ikun miegħek, ħdejk ħalli jiddefendik mill-akkużi, jipproteġik u jeħilsek.

Imma jiena li xtaqt naqsam magħkom illum għax ikollna ċans nitkellmu dwar id-don tal-Ispirtu s-Santu b’mod speċjali ħmistax oħra f’Pentekoste, huwa li Ġesù jgħid difensur ieħor. Min hu dan id-difensur ieħor? Għandna iżjed minn wieħed? Iva. L-ewwel avukat huwa Ġesù stess u anke l-istess San Ġwann meta jikteb it-tieni ittra tiegħu jgħid: “Aħna għandna avukat tagħna quddiem il-Missier”. San Pawl Missierna juża wkoll din il-frażi sabiħa. U Ġesù beda jaħdem ta’ avukat tagħna mill-bidu nett. Ftakru fuq is-salib x’jgħid: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). L-avukat quddiem l-imħallef isib id-difiża biex jeħilsek mill-kundanna li jixraqlek.  Ġesù huwa 1-ewwel difensur tagħna.

It-tieni difensur, id-difensur l-ieħor, huwa l-Ispirtu s-Santu li jwegħedna. Ġesù jsejjaħlu l-ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tirċevih għax hija la tarah u lanqas taghrfu. Aħna rridu nitolbu li  ninħelsu mill-ispirtu tad-dinja. Il-Papa Franġisku jsejjaħlu l-mondanità spiritwali, l-ispirtu tal-arroganza, tas-suppervja, tal-għira, tal-mibegħda, dak hu l-ispirtu tad-dinja. L-ispirtu tad-dinja ma jistax jilqa’ lill-ispirtu tal-verità għax min jgħix gidba, il-verità tbeżżgħu, jaħrab minnha. L-ispirtu tal-verità mhux qiegħed hemm biex jgħidlek kemm inti bravu meta ma tkunx; jurik fejn qiegħed u min inti. Bħalma qed jiġrilna bħalissa f’dawn iċ-ċirkustanzi ibsin. Qed nindunaw fejn aħna verament u min aħna tassew u l-ispirtu tal-verità għandna bżonnu biex ifarraġna.

It-tieni ħsieb huwa li nfakkar lil San Ġwann Pawlu II. Nirringrazzja lill-providenza t’Alla talli tatulna Papa mill-1978. Niftakar jiena kont anke mal-arċipriet Joe, konna grupp ta’ seminaristi ġodda u kien hemm ukoll il-mibki Isqof Mercieca f’kamra żgħira s-seminarju Tal-Virtù quddiem televixin se jaqa’ u ma jaqax u rajna l-fumata bianca, il-famuż duħħan abjad li qalilna fis-16 ta’ Ottubru 1978 li kellna papa ġdid. Hu deher quddiem id-dinja għall-ewwel darba bħala Papa Karol Wojtyla li ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II.

Għada, 18 ta’ Mejju, id-dinja kollha tifraħ bl-ewwel ċentinarju mit-twelid ta’ dan il-qaddis kbir, glorja tal-Polonja, imma wkoll glorja tal-Knisja.

Tletin sena ilu fis-26 ta’ Mejju 1990 l-Papa għamel l-ewwel vjaġġ papali fl-istorja ta’ pajjiżna. Kienu tlitt ijiem ta’ grazzja kbira u ġie wkoll hawnhekk f’dan is-santwarju nazzjonali jqim lix-xbieha qaddisa tal-Madonna tal-Mellieħa. U jiena llum ma ġibtx biss il-bust tiegħu imma wkoll relikwa għażiża tiegħu. Wara li miet San Ġwann Pawlu II u ġie wkoll beatifikat, il-kardinal Dziwisz li kien is-segretarju personali tal-Papa Ġwanni Pawlu II għal diversi snin u ġie miegħu ukoll Malta għal darba, darbtejn, tani relikwa biċċa drapp imċappsa bid-demm ta’ San Ġwann Pawlu II.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu  II li ġie fostna darbtejn fl-1990 u fl-2001 u tana wkoll l-ewwel tliet beati fosthom Dun Ġorġ Preca li mbagħad sar ukoll qaddis taħt il-Papa Benedittu XVI u nitolbu l-interċessjoni tiegħu għall-Knisja. Għada, 18 ta’ Mejju, id-dinja kollha tifraħ bl-ewwel ċentinarju mit-twelid ta’ dan il-qaddis kbir, glorja tal-Polonja, imma wkoll glorja tal-Knisja.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 8, 5-8.14-17
Salm: 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16.20
Qari II: 1 Piet 3, 15-18
Evanġelju: Ġw 14, 15-21