•  

  • L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Malta Food Bank Foundation iffirmaw ftehim uffiċjali għat‑twaqqif tal‑ewwel food bank tax‑xorta tiegħu f’Malta. Dan is‑servizz li ser jitmexxa mill‑Malta Food Bank Foundation (MFBF) huwa intenzjonat li jiġbor ikel żejjed sabiex jitqassam lill‑għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lill‑persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar. 

    Il‑proprjetà tal‑Knisja li ngħatat lill‑MFBF għal żmien definit tinsab fil‑Ħamrun maġenb il‑knisja tal‑Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal‑ikel. L‑Arċidjoċesi kkommettiet ruħha wkoll li tagħmel ix‑xogħlijiet strutturali meħtieġa biex tgħin fit‑twettiq ta’ dan il‑proġett. Wara li jitlestew ix‑xogħlijiet li bdew din il‑ġimgħa, l‑MFBF ser tipprovdi t‑tagħmir neċessarju, li jinkludi l‑ixkaffar u l‑makkinarju, kif ukoll ir‑riżorsi umani biex din l‑inizjattiva titmexxa fuq bażi volontarja.

    Il‑Malta Food Bank Foundation, li hija affiljata mal‑Federazzjoni Ewropea tal‑Food Banks sa mill‑2011, ser isservi ta’ pont bejn il‑kumpaniji tal‑ikel li lesti joffru provvisti żejda tal‑ikel u l‑NGOs li jgħinu lil dawk imċaħħda mid‑dritt fundamentali tal‑ikel. Din il‑ħidma hija essenzjali sabiex titjieb is‑sostenibbiltà tal‑ikel u tipprevjeni l‑ħela ta’ ikel.  Din hija l‑missjoni tat‑388 food bank tal‑Federazzjoni li huma impenjati jitimgħu lil dawk fil‑bżonn. FEBA tipprovdi aktar minn 4 miljun ikla kuljum lil 8 miljun persuna fl‑Ewropa permezz ta’ 44,700 għaqda ta’ karità f’28 pajjiż fl‑Ewropa.

    Waqt laqgħa li saret illum, is‑Sibt, 6 ta’ Ottubru 2018, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi li ppresieda dan il-ftehim qal li dan huwa proġett ieħor li permezz tiegħu l‑Knisja f’Malta qed twieġeb b’mod tanġibbli għar‑realtà tal‑faqar f’pajjiżna. Wera l‑apprezzament tiegħu għal din l‑inizjattiva tal‑Malta Food Bank Foundation b’risq is‑soċjetà. Għal din il‑laqgħa attendew ukoll Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Andrew Azzopardi, Direttur tal‑Kummissjoni Ejjew Għandi, Angela Frigo, Segretarju Ġenerali tal‑Federazzjoni Ewropea tal‑Food Banks, u Irene Schembri, Chairperson tal‑Malta Food Bank Foundation.

    Is‑Sinjura Schembri rringrazzjat lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, lill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi u lil Mons. Charles Cordina. Hija qalet li l‑ħidma tal‑food bank ser timxi fuq it‑tagħlim tal‑Papa Franġisku li qal li: “Din il‑kultura tal‑iskart ġabitna insensibbli anke għall‑ħela u għar‑rimi tal‑ikel, xi ħaġa li ta’ min jistmerraha iżjed meta f’kull parti tad‑dinja, sfortunatament, tant persuni u familji qed ibatu l‑ġuħ jew qed jieklu ikel ħażin”.

    Il‑ftehim ġie ffirmat minn Andrew Azzopardi f’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u minn Irene Schembri f’isem il‑Malta Food Bank Foundation. 

    15