Fil-11 ta’ Ottubru li ġej, il-Knisja f’Malta tingħaqad mal-Knisja Universali biex tniedi “is-Sena tal-Fidi”. Propju sena ilu, fl-Ittra Appostolika ‘Porta Fidei’ (il-Bieb tal-Fidi), il-Papa Benedittu XVI ħabbar dan iż-żmien speċjali fil-Knisja Kattolika. Fi kliem il-Papa, “is-Sena tal-Fidi hi sejħa biex mill-ġdid nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja”.
Il-Knisja f’Malta qed tħejji programm ta’ attivitajiet bil-għan li l-Maltin jiskopru mill-ġdid l-entużjazmu tal-fidi tagħhom. Din l-istedina hi miftuħa għal kull individwu għalkemm, fuq xewqa tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., se jsir aċċenn fuq l-Insara prattikanti biex filwaqt li jiskopru mill-ġdid il-fidi, dawn iwasslu l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn. Dan jorbot ma’ dak li l-Arċisqof qal kemm-il darba matul l-episkopat tiegħu, jiġifieri l-ħtieġa li n-Nisrani jgħaddi minn tradizzjoni u konvenjenza għall-għażla ta’ fidi konxja u konvinta, f’kultura li kull ma tmur qed tinbidel. Huwa għalhekk li matul din is-Sena ta’ Fidi, il-Knisja f’Malta se tibqa’ timpenja ruħha f’evanġelizzazzjoni ġdida biex kif qal il-Papa “kull persuna tiskopri mill-ġdid il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex tikkomunikaha lill-oħrajn”.
Il-laqgħa annwali tal-Assemblea Djoċesana, li se ssir fil-5 u s-6 ta’ Ottubru se toffri opportunità biex ir-rappreżentanti tal-Knisja, kleru u lajċi, flimkien mal-Arċisqof, jirriflettu fuq is-Sena tal-Fidi. F’kull parroċċa, fl-Assemblea li ssir fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru se ssir diskussjoni bil-għan li jiġu stabbiliti iniżjattivi konkreti li se jittieħdu fil-parroċċi. L-ordnijiet reliġjużi se joffru esperjenza ta’ fidi lill-operaturi pastorali fl-entitajiet kollha tal-Knisja. Dan filwaqt li se jiġu organizzati mumenti ta’ tiġdid fil-fidi għas-saċerdoti u r-reliġjużi. Inizjattivi oħra jinkludu: esperjenza ta’ katekeżi soda għall-ġenituri ta’ dawk li jkunu qed iħejju għas-sagramenti tad-dħul fil-ħajja Nisranija, tnax-il artiklu bi spjega dwar il-Kredu fir-rivista ‘Flimkien’, programmi marbuta mat-tema tal-Fidi fuq il-media tal-Knisja u inserts fi programmi tat-TV u r-radju, u konferenzi pubbliċi dwar il-fidi.
Is-Sena tal-Fidi se tiftaħ bi stedina mill-Isqfijiet permezz ta’ Ittra Pastorali li tinqara fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex nhar il-Ħadd 7 ta’ Ottubru. Il-Ħadd ta’ wara, 14 tax-xahar, l-Insara kollha se jiġu mistiedna jagħmlu apprezzament tal-magħmudija permezz ta’ rit apposta li se jsir f’kull quddiesa. Filwaqt li ċ-ċelebrazzjonijiet djoċesani ta’ Kristu Re u tal-Vġili ta’ Pentekoste se jwasslu messaġġ marbut mas-Sena tal-Fidi, se ssir ukoll ċelebrazzjoni djoċesana fuq l-istess tema, li tikkommemora l-mitt sena mill-Kungress Ewkaristiku tal-1913.
Il-bidu tas-Sena ta’ Fidi fid-djoċesijiet kollha madwar id-dinja se jsir fil-11 ta’ Ottubru 2012, li jaħbat ukoll il-50 anniversarju mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II u l-għoxrin sena mill-publikazzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Dakinhar ukoll, fil-Vatikan, se jiftaħ is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Il-Konferenza Episkopali Maltija se tkun irrappreżentata f’dan is-Sinodu mill-Isqof Mario Grech. Is-Sena tal-Fidi tintemm fl-24 ta’ Novembru 2013, festa ta’ Kristu Sultan.