Papal audience

Matul l-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI qasam ir-riflessjonijiet tiegħu fuq iż-żjara li għadu kif lesta fil-Libanu, jiem li sejjaħ “manifestazzjoni sabiħa ħafna ta’ fidi u sentiment reliġjuż kif ukoll sinjal profetiku ta’ paċi”. Qal li l-firxa vasta ta’ persuni bit-twemmin differenti tagħhom kellhom l-opportunita jirriflettu, jitkellmu, u jitolbu flimkien, iġeddu l-impenn tagħhom sabiex għeruqhom ikunu fi Kristu.

Benedittu XVI qal li jinsab ċert li l-poplu tal-Libanu, magħġun b’elementi reliġjużi u soċjali li jarrikkixxuh, ikollu għarfien tajjeb biex jixhed b’impetu mġedded għall-vera paċi li tiġi mill-fidi f’Alla. Esprima t-tama li l-messaġġi ta’ paċi u ta’ tama li ried iwassal, jgħinu lill-Gvernijiet tar-reġjun sabiex jieħdu passi deċiżivi għall-paċi u lejn fehim aħjar tar-relazzjoni bejn l-iNsara u l-Musulmani. Temm jgħid li min-naħa tiegħu, huwa se jkompli jakkumpanja lil dan il-poplu bit-talb, anki lill-Madonna meqjuma b’tant għożża fis-Santwarji Libaniżi, sabiex jibqa’ poplu sod fl-impenn tiegħu.