L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qabel il-miġja ta’ Ġesù, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Iżrael. U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: “Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien lanqas ma jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh” (Atti 13:25). Dan il-vers mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli jiġbor l-ispirtwalità ta’ San Ġwann il-Battista li tiegħu qed niċċelebraw it-twelid.

Fost il-ħafna grazzji li għandu l-isqof ta’ Malta meta jippresjedi minn dan il-konkatidral, hu li quddiemu jilmaħ wieħed mill-kapolavuri ta’ Mattia Preti. Hi proprju x-xena f’dak il-kwadru fuq fis-saqaf, fejn Ġwanni jgħid lill-mibgħuta tal-Fariżej u lid-dixxipli: “Jiena m’iniex Kristu” – “non sum ego Christos” (Ġw 1:20). Tajjeb li l-isqof jiftakarha wkoll din. Għax kultant naħsbu li rridu nsolvu l-problemi kollha aħna; nagħtu r-risposti tal-problemi kollha aħna, u ninsew li l-Knisja mhix tagħna, imma ta’ Ġesù. Jekk hemm xi ħadd li jgħallimna dan hu Ġwanni; li kellu l-umiltà li hi l-verità, li jgħid: “Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien lanqas ma jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh” (Atti 13:25).

B’ironija kbira, Mattia Preti, ta’ ġenju u teoloġiku li kien, bħalma kienu l-artisti ta’ żmienu; bħalma kien Caravaggio; forsi kienu ftit ixxellerati wħud minnhom, imma kienu teoloġi kbar. Preti jpoġġi lil xi ħadd ibus riġlejn il-Battista. Jekk tindunaw ftit, Ġwanni l-Battista qiegħed b’idejh miftuħin, li qed jgħid: “Mhux jien”. Bħalma ngħidu meta xi ħadd meta konna żgħar u jinkiser il-vażun u nwaħħlu fil-qattus għax dak ma jitkellimx. Ġwanni l-Battista qed jagħmel sinjal ta’ ‘mhux jien Kristu’.

Allura l-Battista jgħallimna, kemm hi ħaġa qaddisa, li f’ħajjitna fl-ispiritwalità tagħna, bil-mod kif naraw id-dinja, narawha mid-dawl ta’ Ġesù, li hu l-veru Sid tal-istorja.

Ejjew nitolbu din il-grazzja llejla li nidħlu fl-ispiritwalità tal-Battista. Niċkien jien biex jikber Kristu fija (ara Ġw 4:30).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 19:16b,19-21
Salm: 15 (16):1-2a u 5,7-8,9-10,11
Qari II: Gal 5:1,13-18
L-Evanġelju: Lq 9:51-62

Aktar ritratti >>