L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u Fondazzjoni Wirt Artna (FWA) laħqu ftehim dwar l‑istudju, il‑konservazzjoni u r‑restawr tal‑Knisja ta’ Santa Barbara fil‑Belt Valletta, proġett li mistenni jitlesta f’madwar ħames snin. Il‑knisja, li tinsab fi Triq ir‑Repubblika, se tibqa’ tintuża għal funzjonijiet reliġjużi, filwaqt li FWA se tgħin sabiex jinkiseb finanzjament għax‑xogħlijiet ta’ konservazzjoni u toffri l‑appoġġ tagħha fil-kustodja tal-knisja.

Il‑ftehim kien iffirmat minn Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi, u ċ‑Chairman ta’ FWA Mario Farrugia, fil‑preżenza tar‑rettur il-ġdid tal‑knisja Mons. Paul Vella.

Is‑Sur Pace Ross qal li r‑restawr jista’ jibda fl‑2025, wara li jinġiebu l‑approvazzjonijiet meħtieġa, peress li xi impenji finanzjarji ġew ikkonfermati. Żied jgħid li se jkun hemm kumitat li jieħu ħsieb u jikkoordina x‑xogħlijiet ta’ restawr u jippromwovi l‑wirt tal‑knisja.

Is‑Sur Farrugia qal li Fondazzjoni Wirt Artna se tevalwa l‑istat ta’ konservazzjoni li tinsab fih il‑knisja bħalissa, tidentifika l‑prijoritajiet l‑aktar urġenti għaliha b’kollaborazzjoni ma’ professjonisti fil‑qasam, u tiżviluppa pjan ta’ azzjoni li jenfasizza edukazzjoni pubblika. Żied jgħid li se jiġu organizzati diversi inizjattivi biex jinġabru fondi b’appoġġ għal dawn l‑isforzi.

Mons. Paul Vella esprima gratitudni lejn il‑Fondazzjoni għall‑appoġġ u appella għal aktar donazzjonijiet li jgħinu biex din il‑knisja terġa’ tiġi lura għall‑glorja li kellha qabel.

Dwar il‑Knisja ta’ Santa Barbara

Il‑Knisja ta’ Santa Barbara għandha storja rikka. Oriġinarjament inbniet fl‑1573 mill‑Konfraternità tal‑Bumbardieri, li kienu responsabbli mill‑flotta tal‑Ordni u l‑artillerija tal‑art. Reġgħet inbniet fl‑1601 u mill‑ġdid fl‑1739. Minn nofs is‑seklu 17 kienet il‑knisja għall‑Franċiżi mir-reġjun ta’ Provence. Il‑knisja minn barra hi attribwita lill‑arkitett Taljan Romano Carapecchia, filwaqt li minn ġewwa għall‑arkitett Malti Giuseppe Bonici. Fiha jinsabu diversi pitturi ta’ artisti rinomati, fosthom l‑inwatru titulari mpitter minn Antoine de Favray, u inkwatru ieħor ta’ Francesco Zahra.

Fl‑1904, tpoġġiet statwa indurata tal‑Kunċizzjoni fuq nett tal‑faċċata tal‑knisja biex tfakkar il‑Ġublew tal‑Kunċizzjoni. Matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija serviet bħala kappella militari għall‑forzi Franċiżi stazzjonati f’Malta. Illum hi l‑knisja parrokkjali għall‑komunitajiet li jitkellmu bl‑Ingliż, il‑Franċiż u l‑Ġermaniż.

Mix-xellug: Mons. Paul Vella, is-Sur Michael Pace Ross u s-Sur Mario Farrugia