L-Arċidjoċesi ta’ Malta hi diżappuntata li llum It-Torċa ppubblikat storja fil-faċċata tagħha mimlija ineżattezzi dwar proposta li saret fl-2020 biex isir monument li jonora lil dawk affettwati mill-interdett maħruġ mill-Knisja fis-sittinijiet.
Il-gazzetta – li qagħdet biss fuq it-tagħrif ipprovdut miċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef – qalet li l-Knisja ma weġbitx għat-talba li għamel l-eks Ministru José Herrera biex jitpoġġa monument fil-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta, li mbagħad jinfetaħ għall-pubbliku.
Il-fatti huma differenti ħafna:
Fit-18 ta’ Mejju, 2020, l-Arċisqof Charles Scicluna kien kiteb lill-ministru ta’ dak iż-żmien fejn stqarr li l-Knisja tappoġġja t-twaqqif ta’ monument bħal dan fl-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali.
Iżda minħabba li l-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta fih it-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Knisja, li jieħu ħsieb każijiet matrimonjali delikati, l-Arċidjoċesi ma xtaqitx tirriskja li tikkomprometti l-livell għoli ta’ kunfidenzjalità meħtieġa fi proċeduri sensittivi bħal dawn.
Għalhekk l-Arċidjoċesi ssuġġeriet lill-ministru ta’ dak iż-żmien biex monument bħal dan jitpoġġa f’post pubbliku u laqgħet il-proposta ta’ Dr Herrera li jintuża l-Ġnien tal-Mall fil-Furjana għal dan il-għan għax hu ċentrali u aċċessibbli. (L-ittra hi mehmuża.)
L-Arċidjoċesi qatt ma rċeviet tweġiba għal din l-ittra iżda tkompli tilqa’ b’idha miftuħa u tappoġġja bis-sħiħ inizjattiva bħal din, kif ukoll kwalunkwe inizjattiva għal monument dedikat lill-vittmi kollha ta’ vjolenza fiżika u morali kemm mill-Knisja kif ukoll mill-Istat.
Ta’ min jinnota wkoll li fit-2 ta’ Novembru 2019, l-Arċisqof Charles Scicluna bierek l-oqbra taċ-ċimiterju fil-parti magħrufa bħala ‘Il-Miżbla’, inkluż dak tal-eks Deputat Prim Ministru Ġużè Ellul Mercer, u – fuq l-eżempju li taw l-arċisqfijiet ta’ qablu Michael Gonzi, Joseph Mercieca u Paul Cremona – talab maħfra għal li għamlet il-Knisja f’dak iż-żmien.