Il-Papa Benedittu XVI qed jissottolinea l-ħtieġa li tingħata vuċi lill-Knisja fir-realta tal-komunikazzjoni soċjali u l-media. Il-Papa qal dan meta kien qed jilqa’ f’udjeza lill-Isqfijiet Filippini li jinsabu f’Ruma għaż-żjara ta’ kull ħames snin.

“Qasam partikolari li fih il-Knisja għandha tara li ssemma leħinha hu dak tal-komunikazzjoni soċjali u l-media”, qal il-Papa. Żied li “dmir il-komunita kattolika kollha hu li twassal viżjoni ta’ fidi mimlija tama u virtu sabiex il-Filippino isibu l-kuraġġ u direzzjoni fit-triq tal-ħajja  Kristoċentrika”.

Il-Papa kompla jgħid li vuċi pożittiva u unifikata teħtieġ tkun ippreżentata lill-pubbliku fil-media bil-għan li l-vanġelu jkollu l-impatt mixtieq.

“Hu importanti”, kompla l-Kap tal-Kattoliċi, “li l-lajċi midħla tal-qasam tal-komunikazzjoni soċjali jieħdu posthom fil-proposta tal-messaġġ nisrani b’mod mill-iktar attraenti u konvinċenti”.