-
-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna għadda formalment il‑bini u l‑art tal‑knisja magħrufa bħala l‑Istitut Adelaide Cini f’Sta Venera liċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt, biex jitwaqqaf St Michael’s Hospice, l‑ewwel kumpless state‑of‑the‑art li se jipprovdi kura paljattiva komprensiva.
Iċ‑ċerimonja nżammet fil‑festa tal‑Arkanġlu San Mikiel, nhar il‑Ħadd 29 ta’ Settembru, fl‑istess bini li se jilqa’ l‑ewwel pazjenti fi żmien sentejn, wara li jkun sar ix‑xogħol meħtieġ ta’ rinovazzjoni. Diġà nbeda l‑ġbir ta’ fondi għal dan il‑proġett ambizzjuż u x‑xogħlijiet fuqu mistennija jibdew fil‑ġimgħat li ġej.
Il‑propjetà tal‑Knisja, li tinkludi l‑bini eżistenti u l‑ġonna jkopru medda ta’ 11,000 metru kwadru, huma stmati li għandhom valur ta’ €8 miljun, u jeħtieġu ħafna iktar biex da nil‑kumpless jiġi rinovat fil‑jiem li ġejjin.
L‑Arċisqof Scicluna qal li din l‑inizjattiva kienet ispirata mis‑Sena tal‑Ħniena ddikjarata mill‑Papa Franġisku fl‑2015. “St Michael’s Hospice se jkun post fejn il‑bieb tal‑ħniena ma jingħalaq qatt, li jfakkarna fil‑ħniena tanġibbli t’Alla f’ħajjitna.” L‑Arċisqof appella lill‑poplu Malti biex ikunu ġeneruż lejn dan il‑proġett, li hu tifkira f’waqtha għad‑dritt tal‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem.
Iċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt qalet: “L‑istatistika hija numri imma hi magħmula minn persuni! Il‑kanċer jaffettwa lil wieħed minn tlieta u f’Hospice Malta jiġu għandna 60 pazjent ġdid fix‑xahar. Meta għandek il‑maġġoranza tal‑pazjenti li qed jieħdu l‑kura u t‑trattament tagħhom f’pajjiżna, hu ovvju li hem bżonn għal St Michael Hospice! St Michael Hospice hu neċessità, waħda li l‑poplu Malti ħaqqu. Aħna determinati li nirrinovaw il‑post għal standards eżatti, li jitqabblu mal‑aqwa hospices barra minn Malta, li żorna ġa. Nafu li dan il‑proġett huwa kumpless, imam nafu wkoll li nistgħu nserrħu fuq il‑ġenerożità tal‑poplu tagħna biex inwettqu din il‑‘ħolma’ li l‑maħbubin tagħna ħaqqhom.”
Permezz ta’ St Michael Hospice, Hospice Malta se testendi s‑servizzi attwali tagħha fil‑komunità għal 10,000 żjara lill‑pazjenti u l‑familji tagħhom. Bi spazju ikbar, il‑kumpless se jkompli jespandi s‑servizzi li jingħataw matul il‑jum, minn 700 sessjoni għal 2,000, kif ukoll jipprovdi terapiji u servizzi ġodda.
L‑għan aħħari għat‑titjib tas‑servizzi ta’ kura paljattiva fil‑komunità offruti mill‑Hospice hu li jippermetti lill‑pazjenti jibqgħu fi djarhom fl‑aktar żmien vulnerabbli ta’ ħajjithom, waqt li jtaffilhom il‑piż billi jevitalhom li jinżammu l‑isptar għalxejn f’każijiet fejn is‑servizz ta’ in‑patient ikun għadu meħtieġ. St Michael Hospice se joffri wkoll il‑faċilità ta’ taqsima in‑patient għal dawn il‑bżonnijiet.
Korsijiet edukattivi ta’ taħriġ għall‑iżvilupp kontinwu u professjonali għall‑istaff tal‑Hospice u speċjalisti oħra fil‑kura paljattiva se jingħataw mid‑Dipartiment għall‑Edukazzjoni u se jiġu żviluppati minn St Michael Hospice f’Santa Venera.
Għal 30 sena mindu twaqqfet il‑fundazzjoni, ir‑rwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jsofru mill‑kanċer, motor‑neuron diseases, u mard terminali tal‑qalb, respiratorju, tal‑kliewi u tal‑fwied. Dawn is‑servizzi jingħataw permezz ta’ tim multidixxiplinari ta’ speċjalisti professjonali. Il‑kura offruta, li tikkonċentra fuq il‑pazjent u l‑familja, tagħti serħan mill‑uġigħ u minn sintomi fiżiċi oħra, kif ukoll tindirizza l‑aspett emozzjonali, psiko‑soċjali u spiritwali.
Hospice Malta, għaqda mhux governattiva reġistrata mal‑Kummissarju għall‑Għaqdiet Volontarji, toffri s‑servizzi kollha tagħha mingħajr ħlas lill‑pazjenti f’Malta u Għawdex. Għal iktar tagħrif żur hospicemalta.org. Tista’ tagħti donazzjoni billi żżur hospicemalta.org/supporting-hospice/donations/
-
-
-
-