Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kemm‑il darba saħqet dwar bidla fil‑mudell ekonomiku attwali u l‑ħtieġa li t‑tkabbir ekonomiku ma jitkejjilx biss fuq il‑Prodott Domestiku Gross. Dan għaliex il‑mudell ekonomiku preżenti mhux kapaċi jiggarantixxi rispett sħiħ lejn l‑ambjent u l‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini.
Ispirata mil‑laqgħa internazzjonali “L‑Ekonomija ta’ Franġisku” li qed issir bħalissa f’Assisi, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed tniedi l‑inizjattiva Beyond GDP b’ħidma mal‑fergħat Maltin tal‑Moviment tal‑Fokolari u l‑Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, flimkien mal‑kumpaniji EY u Seed Consultancy bl‑appoġġ ta’ APS Bank.
Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof ġie ppreżentat rapport li jipproponi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet filwaqt li jixpruna diskussjoni, u jsejjaħ għal azzjoni u l‑koperazzjoni ta’ diversi entitajiet biex jaħdmu flimkien għall‑ġid komuni. Ir‑rapport iservi wkoll ta’ motivazzjoni għal aktar riċerka fil‑qasam tal‑iżvilupp soċjo‑ekonomiku.
L‑indiċi għall‑kwalità ta’ ħajja aħjar, imsejjaħ Better Living Index tal‑OECD (l‑Organizzazzjoni għall‑Koperazzjoni u l‑Iżvilupp Ekonomiku), intagħżel bħala bażi li fuqu nħadem ir‑rapport. Minn dan l‑indiċi ġew identifikati sitt temi li jirriflettu l‑kuntest Malti: id‑dħul finanzjarju, il‑housing, l‑edukazzjoni u l‑ħiliet, ix‑xogħol, is‑saħħa u l‑istil ta’ ħajja, u l‑kwalità tal‑ambjent.
Ir‑rapport ma jfittixx li jagħti soluzzjonijiet għal kull tema individwali iżda jipproponi rakkomandazzjonijiet b’mod ħolistiku:
- L‑iżvilupp ta’ pjattaforma ta’ data b’aċċess miftuħ (open data platform)
- Qbil fuq qafas nazzjonali dwar il‑benessri
- L‑integrazzjoni tal‑benessri fit‑tfassil tal‑politika
- Reviżjoni tal‑mekkaniżmu tal‑COLA
- Jingħata bidu għal diskussjonijiet dwar patt soċjali
Waqt it‑tnedija ta’ din l‑inizjattiva, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għall‑Knisja f’Malta li qed tittieħed din l‑inizjattiva li tqarreb entitajiet tal‑Knisja ma’ entitajiet oħra fil‑qasam tan‑negozju. Spjega li l‑Knisja jinteressaha l‑bniedem sħiħ, u dejjem tmexxi ’l quddiem l‑iżvilupp ħolistiku tal‑bniedem u tas‑soċjetà. Fakkar li l‑Knisja tagħti attenzjoni speċjali lil dawk li huma dgħajfa, u li s‑saħħa tas‑soċjetà titkejjel mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.
L‑Isqof Galea‑Curmi qal li dan kollu hu fil‑linja ta’ dak li jixtieq il‑Papa Franġisku, li propju f’dawn il‑jiem f’Assisi qed iġib flimkien online ekonomisti, imprendituri, riċerkaturi u attivisti ta’ età pjuttost żagħżugħa, biex jerġgħu jaħsbu b’mod kreattiv kif nistgħu nagħtu ruħ lill‑ekonomija. L‑Isqof Galea‑Curmi awgura li r‑rapport Beyond GDP ikun il‑bidu ta’ proċess ta’ ħsieb u azzjoni, biex flimkien naħdmu għal bidla reali fil‑mudell ekonomiku għall‑ġid tal‑bniedem u tas‑soċjetà Maltija.
Daniel Darmanin, il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, qal li l‑Knisja dejjem saħqet fuq l‑element morali tal‑ekonomija u l‑effetti tagħha fuq is‑soċjetà. “Fi żmien fejn il‑ġid globali mhux qed jinfirex b’mod ekwu, id‑differenza bejn il‑fqir u s‑sinjur qed tiżdied, u l‑ambjent qed jiġi ssagrifikat għat‑tkattir finanzjarju, hemm bżonn li nieqfu minn din il‑ġirja għall‑flus u naħsbu ftit fuq l‑effett li dan qed ikollu fuq ħajjitna.” Qal li huwa propju għalhekk li l‑Knisja f’Malta qed tagħmel din is‑sejħa għal ekonomija aktar ibbilanċjata li ċ‑ċentru tagħha huwa l‑bniedem.
L‑għan aħħari tal‑inizjattiva Beyond GDP hu li l‑ekonomija ta’ għada jkollha ruħ u tistabilixxi viżjoni ħolistika u essenzjali biex tħares id‑dar komuni tagħna, filwaqt li tiżgura ġustizzja għall‑foqra u ssib tweġibiet sostenibbli għall‑kwistjonijiet ekonomiċi li jolqtu l‑ħajja ta’ kuljum.
Ir‑rapport Beyond GDP – A framework to gauge Malta’s success through quality of life huwa aċċessibbli fuq gp.knisja.mt u se jiġi diskuss fl‑APS Talk li se jsir online fis‑26 ta’ Novembru li ġej u li hu miftuħ għall‑pubbliku.
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Proprju lbieraħ f’Assisi beda, b’kollegament online, l-appuntament ta’ tlett ijiem li l-Papa Franġisku xtaq li jgħaqqad flimkien żgħażagħ mid-dinja kollha biex isir ħsieb ġdid dwar il-mudelli ekonomiċi li huma prevalenti, u dan fid-dawl tas-solidarjetà li hi wieħed mill-pilastri ewlenin tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.
Din il-laqgħa kienet maħsuba għal Marzu li għadda, imma kellha tiġi posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Il-Papa fl-1 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet sejjaħ din il-laqgħa biex jgħaqqad flimkien ekonomisti, imprendituri, riċerkaturi, attivisti li huma ta’ età pjuttost żagħżugħa biex jerġgħu jaħsbu b’mod kreattiv kif nistgħu nagħtu ruħ lill-ekonomija. Għal din il-laqgħa qed jieħdu sehem elfejn żagħżugħ u żagħżugħa minn 120 pajjiż.
Hu għalhekk ta’ sodisfazzjon kbir li f’Malta qed tittieħed din l-inizjattiva tal-istudju ‘Beyond GDP’ u nixtieq nifraħ u nirringrazzja ħafna lill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi, kif ukoll lill-fergħat Maltin tal-Moviment tal-Fokolari u tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, u lill-kumpanniji EY, Seed Consultancy u APS Bank. Fiha nfisha, il-fatt li din hi inizjattiva li tgħaqqad flimkien entijiet tal-Knisja ma’ entijiet oħra fil-qasam tal-business diġà hi pożittiva u fil-linja ta’ dak li jixtieq il-Papa.
Il-ħsieb tal-istudju li qed jiġi ppreżentat illum hu li jkun xprun għalina lkoll f’Malta biex naħsbu mudell ekonomiku li ma jkunx iffukat biss fuq il-Prodott Gross Domestiku, imma jkun qed jagħti valur lill-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini u r-rispett lejn l-ambjent. Għalhekk hu rapport li jagħti rakkomandazzjonijiet maħsuba, imma wkoll li għandu l-ħsieb li joħloq diskussjoni li twassal għal azzjoni u koperazzjoni u li tagħti lok għal aktar riċerka.
Dan hu sewwasew dak li jrid il-Papa Franġisku: li naħdmu għal ekonomija li tqiegħed lill-persuna u l-kwalità ta’ ħajja tagħha fiċ-ċentru, li tkun ekonomija li tagħti l-ħajja mhux li toqtol, ekonomija li tinkludi mhux li teskludi, ekonomija li tirrispetta l-ambjent mhux li teqirdu, ekonomija li taħdem għall-ġid komuni mhux għall-ġid tal-ftit, ekonomija li ma tinteressahiex biss mill-ġenerazzjoni ta’ issa imma wkoll mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Knisja jinteressaha l-bniedem sħiħ, maħluq xbieha ta’ Alla, u dejjem tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp ħolistiku tal-bniedem u tas-soċjetà. F’dan tagħmel attenzjoni speċjali lil dawk li huma dgħajfa. Irridu niftakru li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.
Nawgura li dan ir-rapport ippreżentat illum ikun il-bidu ta’ dan il-proċess ta’ ħsieb u azzjoni flimkien, u jkunu ħafna dawk li jissieħbu ma’ dawn l-entijiet preżenti llum biex naħdmu għal bidla reali fil-mudell ekonomiku għall-ġid tal-bniedem u tas-soċjetà Maltija. Lilkom li ħdimtu flimkien f’din l-inizjattiva nixtieq inwassal il-messaġġ tal-Papa Franġisku: “Nitlobkom, tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom! Intom dawk li għandhom il-futur f’idejkom! Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja. Lilkom nitlob ukoll li tkunu protagonisti ta’ din il-bidla … Nitlobkom li tkunu bennejja tad-dinja, biex timpenjaw ruħkom b’risq dinja aħjar” (Christus Vivit, n. 174).
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju