F’laqgħa konġunta li saret bejn il-Konferenza Episkopali Maltija u l-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi, ġie deċiż li tiġi ppublikata din l-istqarrija:
B’referenza għall-fatti u l-allegazzjonijiet li taw lok għas-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati ftit tal-ġimgħat ilu (li għadha fil-preżent pendenti quddiem il-Qrati u ma għandha b’ebda mod tiġi ppreġudikata), l-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex qegħdin jiddikjaraw li ngħataw parir legali, fis-sens li f’dan il-każ partikulari, il-Knisja, bħala istituzzjoni, ma għandhix responsabbilta legali għal dak li seta` seħħ minn xi individwi u ma tistax titgħabba b’tali responsabbilta.
Madanakollu l-Awtoritajiet tal-Knisja, mingħajr ma jidħlu f’każijiet speċifiċi, bla preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Knisja fil-proċessi ċivili li jistgħu jinqalgħu u mingħajr ma jirrinunzjaw għad-drittijiet ta` difiża li huma jistgħu legalment jinvokaw, bdew il-passi neċessarji biex titwaqqaf struttura li, permezz tagħha, a spejjeż tal-Knisja, professjonisti fil-qasam psikoloġiku, psikjatriku u soċjali, jipprovdu l-għajnuna kollha neċessarja fil-qasam proprju tagħhom. Dan jgħodd għal kull min jiġi ppruvat li kien, b’xi mod, vittma ta` xi abbuż minn funzjonarji pastorali ndividwali. Il-Knisja qed tagħmel dan bħala parti mill-missjoni pastorali u spiritwali tagħha.