Kunsill Lokali Żejtun

Il-Knisja ngħaqdet ma’ mijiet ta’ persuni u entitajiet li qed joġġezzjonaw għat-twaqqigħ ta’ dar fiż-Żejtun li nbniet fis-seklu 18 biex minfloka tinbena blokka appartamenti li se tgħatti l-kappella ta’ San Klement li nbniet fis-seklu 17.

L-applikazzjoni PA/6418/22 tinkludi t-twaqqigħ tad-dar u l-ġnien tagħha fi Triq San Klement u Triq Joe Attard biex tinbena blokka appartamenti ta’ ħames sulari u tkopri garaxxijiet, uffiċċju, disa’ appartamenti u penthouse.

Il-proġett qed jiġi propost mill-kumpanija E&TM Co. Ltd li hija tal-aħwa Emanuel u Thomas Mifsud, filwaqt li l-perit tal-proġett huwa Karl Borg li huwa involut fid-ditta Urban Day Ltd.

Filwaqt li l-binjiet fi Triq San Klement jaqgħu taħt iż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), l-ebda mill-bini fi Triq Joe Attard ma jinsab f’din iż-żona. Infatti, il-UCA tispiċċa eżatt mat-tarf tal-bini.

Ritratt antik juri kif id-dar kienet tgawdi minn veduti ta’ raba’ li eventwalment ġew żviluppati.

L-istorja ta’ din il-kappella

Il-kappella hija dedikata lil San Klement – ir-raba’ Papa tal-Knisja Kattolika – għas-sid tal-art Clement Tabone li kien parti tal-milizzja li ġġieldet kontra l-aħħar attakk fuq Malta mill-Imperu Ottoman fl-1614.

Dik is-sena, madwar 60 bastiment b’5,000 jew 6,000 raġel żbarkaw fil-bajja ta’ San Tumas bl-intenzjoni li jattakkaw l-irħula fil-qrib li kienu jiffurmaw parti miż-Żejtun. Tabone sar magħruf għall-kuraġġ tiegħu waqt din l-invażjoni u wiegħed li jekk isalva, kien se jibni kappella ddedikata lil San Klement.

Dan l-attakk falla u fl-1658 inbniet din il-kappella li tesebixxi wkoll l-istemma tal-familja Tabone.

Il-kappella tinkludi wkoll pittura tal-artist magħruf Stefano Erardi li jaf turi lil Tabone jitlob lil San Klement.

Minkejja l-antikwità tagħha, il-kappella għadha qatt ma ġiet skedata minkejja t-talbiet tal-NGO Wirt iż-Żejtun u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun filwaqt li hija mniżżla fl-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin. Sal-2024, il-kappella se tiġi restawrata bħala parti minn skema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali.

Id-dar qrib il-kappella li nbniet fl-1793

Bħalma għamlu mijiet ta’ persuni, Wirt iż-Żejtun oġġezzjonat ukoll għat-twaqqigħ tad-dar, li tinsab ftit metri l’ bogħod mill-kappella.

L-NGO qalet li d-dar hija antika ħafna u li d-dokumenti juru li nbniet fl-1793 u għandha valur kulturali kbir fiż-Żejtun. Żiedet li fuq il-faċċata tad-dar hemm plakka li tikkommemora l-bennej magħruf Ġanni Cassar li miet wara li waqa’ minn fuq iż-żiemel tiegħu qrib id-dar fl-1886.

Cassar kien bena l-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun.

Is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali qalet fl-oġġezzjoni tagħha li d-dar għandha tiġi preservata u li minkejja li sarulha bosta bidliet fl-aħħar snin, għadhom jidhru ħafna dettalji tradizzjonali.

L-Arċidjoċesi wkoll toġġezzjona

Permezz tal-perit u project manager Ramon Gauci, l-Arċidjoċesi ta’ Malta oġġezzjonat għal din l-applikazzjoni.

Gauci argumenta li l-kappella għandha tiġi kkunsidrata fl-applikazzjonijiet li jitressqu skont il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp 2015.

L-Arċidjoċesi qalet li l-materjal li se jintuża fl-iżvilupp u l-karattru tiegħu ma jaqblu xejn mal-karattru tal-kappella u li l-applikazzjoni tmur kontra l-politiki li jinkoraġixxu żvilupp li jirrispetta l-madwar.

L-NGOs Moviment Graffitti u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ukoll oġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni, bil-Kunsill jirreferi għal applikazzjoni kontroversjali ħafna tant li kienet ikkritikata mill-President George Vella li huwa miż-Żejtun.

Sors: Newsbook.com.mt