L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark li qegħdin naqraw din is-sena f’jum il-Ħadd, tagħtina ftit elementi importanti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ Ġesù.

Qegħdin fil-belt ta’ Kafarnahum. Kafarnahum kienet il-belt li adotta Ġesù wara li telaq minn Nazaret u kienet punt ta’ riferiment, kienet il-belt fejn kien iħobb jirritorna f’dawk it-tliet snin li għamel iterraq ma’ dak li llum insejħulu Iżrael u l-Palestina, l-Art Imqaddsa, il-Galilija u l- Lhudija. Ħafna drabi fl-Evanġelju nsibu dawn iż-żewġ ismijiet: Galilija u Lhudija. Din ix-xena tal-lum għax qiegħda fil-Galilija, dan it-territorju li fih kien hemm Nazaret, kien hemm ukoll l-Għadira tal-Galilija u l-baħar tal-Galilija li fuqha kien hemm ukoll il-belt, fix-xatt tagħha kien hemm il-belt ta’ Kafarnahum.

Il-Ħadd li għadda smajna lil Ġesù jkeċċi x-xitan waqt li qiegħed jgħallem fis-sinagoga ta’ Kafarnahum u l-Evanġelju tal-lum propju jibda minn dan il-mument fejn joħorġu mis-sinagoga u Ġesù jmur għand il-familja ta’ tnejn mill-ewwel dixxipli tiegħu. “Ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni żewġ sajjieda oħra ulied Żebedew, għand Xmun u Indrì” (Mk 1:29). Dawn l-erba’ ismijiet huma importanti għaliex fit-tradizzjoni tal-Evanġelju, huma l-ewwel erba’ dixxili li sejjaħ il-Mulej. It-tnejn huma aħwa: Ġwanni u Ġakbu ulied Żebedew, u Xmun u Indrì aħwa oħra. L-erba’ li huma sajjieda, sajjieda propju kienu li jgħixu fuq ix-xatt ta’ dan il-baħar kbir jew għadira ta’ ilma ħelu: il-Baħar tal-Galilija. Xmun u Indrì kellhom dar Kafarnahum. Innutaw żewġt aħwa, wieħed minnhom żgur miżżewweġ Xmun, imma l-familja kollha, il-familji tagħhom jgħixu fl-istess ambjent.

Ġesù jidħol id-dar tagħhom; ifisser li issa saret il-familja ġdida tiegħu, il-familja ġdida ta’ Ġesù hi ta’ dawk li semgħu l-kelma tiegħu, jitilqu kollox u jimxu warajh. U forsi hawnhekk tidħol din il-kelma u tidħol fiha wkoll din il-mara simpatika li hi omm il-mara ta’ Xmun. Inħobb nimmaġina lil din il-mara r-reazzjoni tagħha meta Xmun is-sajjied jgħid lill-mara tiegħu – ma nafux x’kien jisimha l-mara ta’ San Pietru – jgħidilha: ‘isma’ jiena ltqajt ma’ mastrudaxxa u tlaqt kollox u se mmur warajh’. Immaġinaw ix-xena! Imma immaġinaw x’qalet ommha, mhux x’qalet il-mara, x’qalet ommha, il-kunjata! U nimmaġina x’kedda ħadet ukoll.

L-Evanġelju dan kollu ma jgħidulniex, dan hu frott l-imaġinazzjoni simpatika tagħna jekk irridu nifhmu kif taħdem il-psikoloġija fil-familja meta xi ħadd jieħu deċiżjoni daqshekk importanti li jħalli kollox u jmur jimxi wara mastrudaxxa. Immaġinaw. Nafu biss imma – jekk hux bil-kedda jew le ma nafux – li l-kunjata telgħalha d-deni u jgħidulu: “Issa omm il-mara ta’ Xmun” hekk jgħid l-Evanġelju ta’ San Mark, “omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni u malajr qalulu biha” (Mk 1:30). Għax issa daħal fil-familja u l-ewwel ħaġa li jgħidulu: isma l-kunjata ta’ Pietru ma tiflaħx.

U nnutaw il-ġesti ta’ Ġesù, innutaw l-ġesti ħelwin tal-Imgħallem. “Resaq lejha, qabadha  minn idha u qajjimha u d-deni ħallieha” (Mk 1:31). Ġesù jidħol fil-familji tagħna, fis-sitwazzjonijiet konkreti tagħna, ingergru jew ma ngergrux ma jimpurtahx, u fejn jara l-bżonn jersaq lejna, jaqbadna minn idejna, jerfagħna.

Kemm hi sabiħa mbagħad ir-reazzjoni ta’ din il-mara. Nerġa’ nirrepeti. X’qalet, l-Evanġelju ma jgħidilniex imma nafu l-effett tal-atteġġjament ta’ Ġesù fuq din il-mara. Din il-mara, il-kunjata ta’ Pietru, imfejqa bil-ħarsa, bil-qalb ħanina ta’ Ġesù tibda sservihom. Immaġinaw il-ferħ li daħal fid-dar ta’ Pietru u ta’ Indrì bil-preżenza ta’ Ġesù. U nimmaġinaha tħares lejn Xmun u tgħidlu: ‘Issa fhimt għaliex ta’ min iħalli kollox u jimxi wara dan il-mastrudaxa, hux għidtli mastrudaxxa? U minn Nazaret, x’jista’ joħroġ minn Nazaret? Għax hi kienet taf, f’ġismima fil-qalb tagħha, fir-ruħ tagħha l-fejqan li jġib Ġesù.

U l-ġurnata ta’ Ġesù kienet din il-ġurnata jgħallem, ifejjaq, ikeċċi x-xjaten. Imma hemm xi ħaġa li hemm bżonn nitgħallmu minnha. Kif kien jibda l-ġurnata Ġesù? L-Evanġelju ta’ San Luqa jirrepetiha ħafna din. San Mark jiddedikalna dan id-dettall importanti propju fl-ewwel kapitlu u jagħtina b’xi mod il-ġurnata, it-timetable, ġurnata tipika ta’ Ġesù. “L-għada figħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob” (Mk 1:35). Immaġinaw lil Ġesù, kulħadd għadu rieqed, iqum għadu ma sebaħx, imur ifittex post għall-kwiet u jitlob. Il-Mulej, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, iħoss il-bżonn li jibda l-ġurnata bit-talb, maqgħud f’intimità ma’ Missieru fl-Ispirtu s-Santu.

Ejjew ngħiduha kif inhi, m’għandniex tagħlima ħelwa x’nieħdu minn din? Jekk il-Mulej Ġesù, intimament u kontinwament maqgħud ma’ Alla, l-Iben ta’ Alla, tant hu hekk li fuq is-salib dik l-għajta tiegħu: għaliex tlaqtni? Dik hi l-firda, it-tbatija l-iżjed kbira ta’ Ġesù li ġarrab fuqu biex jifdiha minnha, biex ifejjaqna minnha, biex ifejjaq il-mumenti meta aħna nitbiegħdu. Għadda minn dak l-abiss ukoll. Imma jekk il-bidu tal-ġurnata għalih kienet il-mument fejn ikun f’intimità mal-Missier, aħna min aħna, l-aħwa, biex ngħidu dak hu ħin moħli jew li m’għandniex bżonn nitolbu?

Għax it-talb mhux tirrepeti xi ħaġa bl-amment. It-talb bl-amment jgħinna. Jiena talba li tgħinni ħafna pereżempju hi t-talba tar-rużarju, miċ-ċokon. It-talba tar-rużarju tgħinni ħafna u nirringrazzja ’l Alla li bl-ispirazzjoni ta’ San Ġorġ Preca u San Ġwann Pawlu II għandna l-ħames misteri tad-dawl ukoll. Dawn l-20 posta li jibdew mit-tnissil ta’ Ġesù sal-glorifakazzjoni ta’ ommu Marija, il-ħajja kollha ta’ Ġesù maqgħuda mal-preżenza ta’ ommu.

Dak hu mod wieħed tat-talb imma t-talb mhuwiex li tirrepeti xi ħaġa bl-amment imma li inti tkun fis-silenzju quddiem Alla, tisimgħu u jkellmek imqar f’xatt il-baħar, imqar fil-kampanja, fejn tħossok komdu. Kemm hi ħaġa sabiħa li nsibu ftit ħin matulek ja ġurnata. Inkunu tant fuq networks, dejjem connected aħna, allaħares ma nkunux xi mkien u ma jkollniex il-WiFi għax donna niġġennu daż-żmien. Imma l-konnessjoni ma’ Alla kultant bix-short circuits. Ngħidulu l-Mulej: mhux qed jasal ta, m’hawnx connection. Ġesù jgħallimna li li tkun konness ma’ Alla tagħti togħma differenti lil ħajja tagħna.

Mela bl-interċesjoni tal-kunjata ta’ Pietru nitolbu mhux biss id-don tal-fejqan imma wkoll id-don li nkunu ta’ servizz għall-Imgħallem. Din il-mara lili taffaxxinani. Qalet x’qalet, gergret kemm gergret, kieku ma gergritx ma kinitx tkun kunjata, ejjew nammettu, sewwa? Imma ħasset il-qawwa ta’ Ġesù li jfejjaqha u r-risposta tagħha kienet: iltaqgħet mal-qaddej ta’ Alla u hi saret ukoll qaddejja “bdiet isservihom” (Mk1:31). U t-tieni tagħlima llum: jekk Ġesù ħass il-bżonn li jitlob, min aħna aħna biex il-Mulej ngħidulu; jiddispjaċini ta, m’hawnx konnessjoni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 7:1-4,6-7
Salm: 146 (147):1-2,3-4,5-6
Qari II: 1 Kor 9:16-19,22-23
L-Evanġelju: Mk 1:29-39

Aktar ritratti