Bħalissa l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat u Savio College qegħdin jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-proġett LIFE, bil-għan li jinħolqu proġetti tal-konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel. B’kollox hemm tmien skejjel li qegħdin jieħdu sehem. Waqt attività li fiha l-istudenti ppreżentaw l-ideat tagħhom, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif qed jiġu allokati €10,000 biex l-istudenti jkunu jistgħu jwettqu l-proġett tagħhom. L-għan tal-proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma għal din is-sena skolastika hi dwar il-ħażna tal-ilma tax-xita.

Dawn il-proġetti huma possibbli permezz ta’ inizjattivi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li tul is-sena tkun għaddejja b’bosta attivitajiet għall-istudenti miċ-Ċentru Għajn. Dan iċ-ċentru joffri diversi logħob interattiv bil-għan li titqajjem kuxjenza u ssir promozzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Kumplimentari għal dan il-logħob interattiv, l-EWA ħarġet kotba oriġinali bil-Malti biex jiżdied l-għarfien fuq l-effiċjenza u s-sostenibbilità tar-riżorsi naturali.

Waqt l-attività tqassam toolkit edukattiv ġdid, ‘Green Home Explained’, għall-istudenti tal-ħames u s-sitt sena, li permezz tiegħu l-għalliema u l-istudenti jistgħu jitgħallmu dwar l-enerġija effiċjenti u rinovabbli u kif taħdem.

L-iskejjel l-oħra involuti huma l-iskola Primarja San Ġorġ Preca Valletta u Floriana, Skola Primarja San Nikola Rabat, St Edward’s College, Naxxar Induction Hub u l-iskola Medja Santa Tereża Birkirkara.