Għażiż Prof. Scicluna,

Proposta Baġit 2020: Studju Nazzjonali dwar il-propjetà

Bħalma għamlet fis-snin li għaddew, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qiegħda għal darb’oħra tistieden lill-Gvern biex iniedi studju nazzjonali dwar il-propjetà. Sal-lum il-KA għadha ma tistax tifhem għalfejn il-Gvern qed iżomm lura milli jagħmel dan. Din hija r-raba’ sena li l-KA qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jniedi tali studju li jkollu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-istakeholders kollha fit-tfassil tat-terms of reference. Studju li jqis lill-Maltin kollha bħala rilevanti (sewwasew għaliex jolqot lilhom u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin) huwa kruċjali biex il-Gvern iwassal il-messaġġ li n-nies li jgħixu fil-pajjjiż ma jinqasmux biss f’dawk li huma rilevanti għall-awtoritajiet u oħrajn li mhumiex.

Fis-settur tal-propjetà, ir-riżorsi u l-policies tal-ippjanar u tan-negozju tal-art li l-Gvern juża biex jaġevola ’l dan is-settur għandhom impatt kbir fuq iċ-ċittadini li jgħixu fil-pajjiż, u fuq is-sostenibbiltà tal-ambjent urban u naturali. Għalhekk il-Gvern ma jistax iqis bħala rilevanti għal din id-diskussjoni lil dawk biss li jagħmlu negozju minn dan is-settur, imma anke lill-bqija tal-poplu kollu.

Żvilupp importanti li seħħ f’din l-aħħar sena kien li sfortunatament seħħew inċidenti kawżati minn prattiċi ta’ twaqqigħ ta’ bini u skavar. Il-KA semmgħet leħinha dwar dan u talbet li għandu jkun hemm reġistru pubbliku ta’ kull min hu kwalifikat jew ċertifikat li jipprovdi servizz fl-industrija tal-kostruzzjoni. Il-KA kienet talbet li dan ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-ispezzjoni tal-pubbliku sabiex kull min ikun se jagħmel użu minn xi servizz ikun jaf li l-kuntrattur li se jqabbad għandu s-sengħa u l-liċenzja meħtieġa biex jagħmel dak ix-xogħol. B’xorti ħażina, flok il-Gvern refa’ r-responsabbiltà tiegħu u ħa ħsieb li jwaqqaf dan ir-reġistru, dan qed isir mis-settur stess li suppost il-Gvern qed jirregola.

Din is-sena wkoll hemm min issoprenda ruħu li hawn kriżi ta’ fejn jintrema l-iskart tal-bini. Bil-mezzi kollha moderni ta’ tbassir ekonomiku u ambjentali, suppost illi l-pajjiż laqa’ għal din il-kriżi minn ħafna qabel. Iżda l-problema hi li l-iżvilupp ekonomiku fuq naħa, u, min-naħa l-oħra, politika li taġevola lis-settur tal-bini b’mod esklussiv fuq realtijiet oħra tal-pajjiż, qed iwasslu biex il-pajjiż jikkomprometti l-patrimonju naturali u urban.

Għalhekk nappellawlek biex fil-Baġit li ġej, il-Gvern ma jkomplix iħalli lill-ekonomija, speċjalment l-industrija tal-bini, tkompli timxi b’mod li mhux sorveljat kif jixraq minn politika ambjentali responsabbli.

Qiegħed nehmeż l-ittri li ktibnielek fil-passat dwar dan is-suġġett.

F’isem sħabi nselli għalik,

Mario Camenzuli
Chairperson Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

cc Onor Dr Joseph Muscat, Prim Ministru
Is-Sur Chris Agius, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà
Is-Sur Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti, Ministeru tal-Finanzi