Is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl, illum tagħlaq mitt sena mit-twaqqif tagħha (1910 – 2010). Kien fit-30 ta’ Ġunju ta’ l-1910 li Mons. Ġiuseppe De Piro laqgħa l-ewwel żewg membri fis-Soċjeta’. Għal din l-okkażjoni, illejla fis-6.00 p.m., fil-Katidral tal-Imdina, il-membri kollha tas-Soċjeta’, se jingħaqdu ma’ l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. biex flimkien jirringrazzjaw lil Alla għall-grazzja ta’ tant ħidmiet imwettqa mis-Soċjeta’ hawn Malta, u fl-Abbisinja, Awstralja, Peru’, Filippini, Pakistan, Stati Uniti ta’ l-Amerika u l-Kanada.
Il-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja f’Malta, f’isem eluf kbar ta’ emigranti Maltin, tirringrazzja lill-Mons. De Piro u lis-Soċjeta’ li hu waqqaf. Il-Kummissjoni Emigranti tirringrazzja lill-Provvidenza li għoġobha tinqeda bis-Soċjeta’ mwaqqfa minn Mons. Ġiuseppe Depiro biex tikkoltiva l-fidi ta’ tant eluf ta’ Maltin li emigraw minn Malta, l-aktar fl-Awstralja.
Mons. Philip Calleja f’isem Fr Alfred Vella, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti:
“Naħseb li l-aktar oġġett għażiż li l-Mulej Alla għoġbu jirregala lis-Socjeta’ fid-Djar tagħha, hi x-xbiha tal-Madonna ta’ l-Emigranti fil-Knisja ta’ St Paul the Apostle, f’Toronto, Canada, illum afdata f’idejha. Din hi replika tal-Madonna ta’ l-Emigranti, pittura ta’ l-artist Malti Emvin Cremona, li hemm f’Dar l-Emigrant, u li ġiet imbierka mill-Papa Pawlu VI fl-1964. Qed ngħid dan għaliex Alla ma setgħax jikkumplimenta lil Mons. De Piro b’ispirazzjoni akbar minn meta nebħu biex iwaqqaf Soċjeta’ li wieħed mill-programmi tagħha jkun li tieħu ħsieb l-emigranti Maltin. Dan kien kumpliment lilu u lil Malta.
Qiegħed ngħid dan għaliex 50 saċerdot, ulied din is-Soċjeta’, servew lill-eluf kbar ta’ Maltin li emigraw lejn l-Awstralja wara l-Gwerra u 14 minnhom għadhom iservu hemm sallum. L-ewwel membru tas-Soċjeta’ li mar l-Awstralja kien Dun Wistin Grech fl-1948 u wieħed mill-aktar saċerdoti missjunarji ta’ l-emigranti anzjani li għandna l-Awstralja hu Fr Claude Borg, li mar l-Awstralja fl-1956, 54 sena ilu. Ftit xhur ilu ġie lura Malta Fr Robert Ċini li kien mar l-Awstralja fl-1956, u fl-1977 mar Detroit. Erbgħa minn dawn il-ħamsin saċerdot li marru l-Awstralja mietu u ndifnu hemm. Fosthom Dun Ġorġ Scerri li mar l-Awstralja fl-1958 u hu l-uniku saċerdot maqtul fl-Awstralja fl-1980.
Barra dan, is-Soċjeta ilha marbuta mal-Kummissjoni Emigranti sa mill-bidu tagħha fi ħdan l-Azzjoni Kattolika. L-ewwel Assistent Ekkleżjastiku tagħha kien Dun Anton Camilleri. Fiha ħadmu bis-sħiħ Dun Wistin Azzopardi u Dun Onorat Galea fi żmien li għamel Malta. Dun Onorat Galea, iben l-emigranti Maltin imwieled it-Tunisija, kien ġie msejjaħ biex jingħaqad fis-Soċjeta’ u jaħdem ma’ l-emigranti.
Kont jien li wara l-mewt ta’ Patri Lawrence Bonavia issuġerejt lill-Patrijiet Franġiskani Minuri, li riedu jħallu l-missjoni tagħhom f’Toronto, biex jitkellmu u joffru l-Knisja lis-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl u għalhekk nieħu gost li din il-Madonna illum hi fi ħdan waħda mll-knejjes immexxija mis-Soċeta’
Grazzi Mons. Depiro u grazzi lis-socjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl imwaqqfa minnu.”