Ħutna,

Din l-ittra qed tasal għandkom fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, iż-żmien li jwassalna għall-Milied. Il-Milied, fl-aspett uman, huwa r-rakkont ta’ kif żewġ ħajjiet – ta’ Marija u ta’ Ġużeppi – inbiddlu biex jidħol Ġesu` f’ħajjithom. It-tnejn ġew imnebbħin minn Alla. It-tweġiba ta’ Marija kienet “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. It-tweġiba ta’ Ġużeppi kienet li jieħu lil Marija bħala martu. Anke fina trid issir bidla biex jidħol Ġesù.

Il-Kuraġġ li ninbidlu


L-esperjenza tixhdilna kemm huwa minnu dak li jgħidu x-xjuħ tagħna li “min ma jiġġeddidx, jitqadded”. L-eżempji ta’ dan għandna kemm irridu, kemm fil-ħajja individwali, kif ukoll fil-ħajja ekkleżjali u soċjali. Hemm min jirraġuna li aħjar ma tħarrikx l-ilma qiegħed għax jagħmel ir-riħa! Imma propju għax ikun qiegħed, l-ilma jinten. L-ilma ġieri huwa safi!

Min-natura tiegħu l-bniedem ifittex li jiġġedded hu u jġedded madwaru. Il-ħajja hi proċess fejn ngħaddu minn fażi għall-oħra. Fl-istess ħin, il-bniedem kapaċi jagħmel reżistenza għat-tibdil. Għandu ħila li jxekkel dan il-proċess u jagħżel li jibqa’ mwaħħal mal-imgħoddi. Għax xi drabi, li tibdel jew tbiddel jista’ jiswielna prezz. Mhux biss huwa skomdu li noħorġu barra mir-rutina ta’ dak li s-soltu jsir, imma jaf ikun hemm ir-riskji. Infatti hemm min jagħmel l-argument li: kif aħna nafu, kif ser inkunu ma nafux, allura nibqgħu kif aħna! Huwa minnu li mhux kull tibdil huwa għall-aħjar, imma huwa veru wkoll li mhux sew li l-bniedem jibqa’ staġnat. Għalkemm f’xi aspetti tal-ħajja tajjeb li wieħed jidra jgħix f’ċerti sitwazzjonijiet li ma hemmx soluzzjoni għalihom, bħal fil-każ ta’ mard li ma jitfejjaqx, f`aspetti oħra, li wieħed jidra jgħix ċertu stil ta’ ħajja jaf ikun gwaj mhux żgħir. Għax meta jidra żżejjed, il-bniedem imewwet fih ix-xewqa li jtejjeb il-ħajja tiegħu u tal-oħrajn. Hemm periklu li meta taħkimna l-abitudni, fis-sens negattiv tagħha, ma nibqgħux ngħixu! L-abitudni kapaċi twassal għal-laxkezza, għall-abbużi u l-medjokrità.

Infatti, inħossu li l-abitudni hija marda li ħakmet diversi oqsma tal-attività tagħna. Fiż-żwieġ u fil-familja faċli nidraw lil xulxin, u nibdew nittraskuraw lil xulxin! Il-kunfidenza żejda fl-attività kummerċjali tista’ ġġib magħha nuqqas ta’ kontroll u dan jiftaħ it-triq għas-serq. Fil-qasam tas-saħħa hemm ir-riskju li l-pazjent jitqies sempliċi numru jekk mhux ukoll mezz ta’ qligħ. Meta l-affarijiet isiru bi drawwa, kif spiss qed jiġri fil-kamp politiku, amministrattiv, edukattiv u ġurnalistiku, dawn mhux biss ma jibqgħux għodda effikaċi biżżejjed imma faċli jibdew isiru biex min qiegħed fihom joqgħod sewwa hu.

Il-Ħajja Nisranija


Sfortunatament, il-kultura li nirrepetu tas-soltu qiegħda bid-mod tifga wkoll il-ħajja Nisranija. Għalkemm hemm Insara konvinti mit-twemmin tagħhom fi Kristu u fil-Knisja, jeżistu individwi u gruppi li għalihom il-fidi hija aktar kultura milli esperjenza ħajja ta’ Alla. Id-drawwiet reliġjuzi huma tajbin, imma mhux meta r-reliġjon issir drawwa! Il-Kelma ta’ Alla saret wisq irħisa u widnejna tant saru joqogħdu għaliha li l-vuċi ta’ Alla saret waħda mill-ħafna. Għal xi wħud it-talb sar rutina u għalhekk mhux biss tilef il-gost tiegħu imma f’xi każi saħansitra sar piż! F’ċerti każi, billi t-tisħib fil-quddiesa, u forsi l-istess ċelebrazzjoni tal-quddiesa, isir drawwa, ma nagħrfux napprezzaw il-ġmiel u l-qawwa tal-Ewkaristija. Xi wħud jitolbu s-sagramenti, għalihom jew għal uliedhom, aktar għax huma mbuttati minn ħtieġa soċjali milli mix-xewqa li jiltaqgħu ma’ Kristu u jibdlu ħajjithom.

Xi drabi anke l-istess komunitajiet tal-Knisja bħal donnhom iħossuhom komdi jserrħu fuq dak li s-soltu jsir u jippreferu jkunu ripetittivi fil-messaġġ u fir-ritwal. Hemm min qed jagħlaq għajnejh għall-preżent, medhi bin-nostalġija tal-imgħoddi. F’ħafna każi għadna nitkellmu b’lingwaġġ u nużaw metodi tal-bieraħ, u dan minkejja li nafu li qed nirriskjaw bil-kbir, għax huma lingwaġġi u metodi li llum ma jinftehmux. Dan qed jissagrifika l-messaġġ tal-Vanġelu! Għaldaqstant, jekk ma noqogħdux attenti, anke fil-knisja nistgħu “nitqaddu”, il-liturġija ssir teatrin, il-knisja nirrenduha mużew tal-istorja!

Qegħdin nagħtu bidu għall-Avvent. Dan huwa żmien ta’ tħejjija għall-festa sabiħa tat-twelid ta’ Ġesu` Bambin, imma huwa wkoll żmien li jistedinna nitwieldu u nwelldu mill-ġdid! Meta Ġesu` sar bniedem, “il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl kbir idda fuqhom” (Iżaija 9:2). Għalhekk aħna nixtiequ li dan il-Milied ikun esperjenza qawwija ta’ dan “id-dawl” li jistimulana biex aħna wkoll nagħmlu sforz u noħorġu mill-ġuf mudlam ta’ mentalità magħluqa li bħal kurdun ma’ għonq it-tarbija fi ħdan ommha qed bil-mod il-mod joħnoqha!

Il-bżonn li jkollna kuraġġ li niġġeddu jistqarru Ġesu` Kristu lil Nikodemu, “mgħallem f’Iżrael” u Lhudi prattikanti, meta jgħidlu li “jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla… jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla … La tistagħġibx jekk jiena għidtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid” (Ġw 3:3, 6-7).

Fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom illum inħossuna fid-dmir li ntennu lill-Knisja tagħna, partikularment lill-“imgħallmin”, li hemm ħtieġa urġenti li “nitwieldu mill-Ispirtu” – “għax dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem, u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu” (Ġw3:7). Huwa l-mument li nistaqsu jekk ċertu tagħlim, attitudnijiet, proġetti u drawwiet reliġjużi humiex  tassew frott tat-tnebbiħ tal-Ispirtu li jaħdem fil-Knisja jew wellidnihomx aħna frott l-inizjattiva personali biss.

Dak l-Ispirtu li xeħet id-dell tiegħu fuq Marija ta’ Nażaret u bil-qawwa tiegħu hija nisslet fi ħdanha l-Kelma – “il-Verb sar bniedem u għammar fostna” – huwa l-istess Spirtu ta’ Alla li llum, jekk niftħu qalbna għalih, jagħmel li l-Kelma ta’ Alla tgħammar fi qlubna u hekk jipprovdilna gwida żgura għat-tfassil ta’ ħajjitna. Imbagħad, kif jikteb Missierna San Pawl, “meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid” (2Kor 5:17). Imma biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, tinżel fil-ġewwieni tagħna u nagħmluha tagħna, irridu nkunu miftuħin għall-Ispirtu tas-Sewwa. Għalhekk “neħtieġu t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu” (Titu 3:5).

Il-Konċilju Vatikan II


Il-Konċilju Vatikan II, li l-Knisja bdiet tiċċelebra ħamsin sena ilu, kien esperjenza qawwija tal-Ispirtu li fetħet orizzonti ġodda u kbar. Dakinhar l-Ispirtu s-Santu bejjet żerriegħa ġdida li, jekk inħalluha tnibbet u tikber, kapaċi tagħti wiċċ isbaħ lill-Knisja u lis-Soċjetà! Imma ġara li “xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija” (Lq 8:5-8). Il-Konċilju kellu jkun qawwa kbira ta’ “aġġornament” tal-Knisja. Kif darba stqarr il-Papa tal-Konċilju, Pawlu VI, “il-Knisja kollha għandha tadatta ruħha għall-ħtiġijiet ġodda tad-dinja; fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju, il-Knisja kollha hija impenjata għal dan it-tiġdid spiritwali u organizzattiv”.

Napprezzaw li frott ta’ dan il-Konċilju, fil-Knisja lokali saru diversi riformi, bħal, per eżempju, l-aġġornament fil-Liturġija u l-mod kif tiġi ċċelebrata bis-sehem aktar attiv tal-poplu, is-sehem tal-lajċi fil-qasam aktar wiesa’ tal-Katekeżi u tad-Djakonija, l-attenzjoni tal-Knisja lokali għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, kif ukoll l-attenzjoni tagħha għal dawk l-aktar imbegħdin, l-insara mifrudin u saħansitra dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra jew li ma jħaddnu ebda twemmin. Imma billi xi żerriegħa waqgħet fuq il-blat u qalb ix-xewk, forsi din għadha ma tatx il-frott kollu mixtieq.

Tiġdid


Hemm programm ta’ tiġdid li ma nistgħux inħalluh aktar fuq l-ixkaffa. Naraw il-ħtieġa ta’ aktar tiġdid intern fil-komunità tal-Knisja, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-“mejda tal-Kelma” li minnha tiddependi l-fidi, kif ukoll mal-Liturġija, li hija ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna fi Kristu. Dan l-aġġornament irid jikber ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-istess komunità mad-dinja ta’ madwarna li llum hija magħmula minn ċittadini li għandhom fehmiet spiritwali u ideoloġiji diversi. B’ħafna mħabba imma b’fedeltà lejn Kristu, ma għandniex nibqgħu lura milli noffru l-patrimonju teoloġiku, spiritwali u etiku tagħna bit-tama li dan jistimula tiġdid u hekk jaqlagħna minn ċerti qagħdiet fejn, flok noqogħdu nduru fl-istess ċirku, nimxu ’l quddiem.

Hija ħaġa tajba li fil-Knisja nħaddnu l-istrutturi suġġeriti mill-Konċilju, bħalma huma l-Kunsilli Presbiterali u l-Kunsilli Parrokkjali; imma qabel kollox għandu jkun hemm persuni u komunitajiet “imġedda” li huma konxji mid-dmir li jipprattikaw u jitrasmettu l-Ispirtu ta’ Kristu biex ikollna “smewwiet ġodda u art ġdida”.

Opportunità mill-aqwa għal dan it-tiġdid tista’ tkun is-Sena tal-Fidi li l-Papa Benedittu XVI għadu kemm nieda fl-okkażjoni tal-50 sena mill-ftuħ tal-Konċilju, u li se tibda fil-11 ta’ Ottubru 2012 u tagħlaq fl-24 ta’ Novembru 2013 bis-solennità ta’ Kristu Sultan. Nitħejjew għal din is-sena billi nimpenjaw ruħna mil-lum f’dan it-tiġdid li l-Ispirtu qed isejħilna għalih.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna, b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.

+PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta


+ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex