L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju li ntgħażel din is-sena għall-festa ta’ Kristu Re jippreżenta lil Ġesù taħt arrest. Wara lejl ta’ interrogazzjoni mis-Sinedriju, u l-kundanna tal-poplu tiegħu, jinġieb quddiem Pilatu għax il-Lhud kienu interessati li lil Ġesù jakkużawh b’xi ħaġa li twasslu għall-mewt. Id-djalogu bejn din il-persuna arrestata u ttorturata (li hu Ġesù) u l-poter Ruman hu djalogu, li llum jipprova jispjegalna min hu Ġesù Sultan.
Pilatu hu interessat li jkun jaf, jekk l-akkuża li ġabu kontra Ġesù hiex vera: “Inti s-sultan tal-Lhud?” (Ġw 18:33). Ġesù ma jiċħadx, imma jispjega li “s-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36). Aħna bżonn l-awtorità f’din id-dinja, għandna bżonn min iġib l-ordni, jassigura l-ġustizzja, jiddefendi l-innoċenti; jagħti kastig mistħoqq lil min hu ħati; jgħin biex min żbalja jsib triq ġdida u ħajja ġdida.
Imma Ġesù, is-saltna tiegħu mhijiex ta’ poter ta’ din l-art. Tmur lil hinn mill-qawwa u setgħa ta’ dawk li jaħkmu fid-dinja. “Sewwa qed tgħid; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37).
Issa din il-verità x’inhi? F’ħin minnhom Ġesù stess jgħid, li l-verità mhijiex ħsieb jew kitba li temminha imma hi persuna; għax fl-istess Evanġelju hu stess jgħid: “Jiena hu t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6) U għalhekk, Ġesù ġie jixhed, li Alla mħabba, kien lest li jsir bniedem għalik u għalija. Din hi xi ħaġa li tattirana lejn Ġesù għax hi l-imħabba vera u tassew li tiġbidna bit-tjubija tagħha, bis-sewwa tagħha, lejn persuna twajba. “Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37).
Il-kelma ta’ Ġesù, anke meta ċċanfarni, hi kelma ta’ verità li tagħmilli l-ġid; hi kelma ta’ mħabba, li tridni nkun persuna aħjar.
Illum, niftakru fil-kelma li l-Missier qal fuq Ġesù, fuq il-muntanja Tabor, meta Ġesù deher fil-glorja. Illum qegħdin narawh umiljat lil Ġesù; imma meta Ġesù quddiem tliet dixxipli magħżula sar kollu dija u kollu dawl, dehru miegħu Mosè u Elija, u nstema’ leħen jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu” (Mt 17:5) F’din il-kappella hawn inkwadru sabiħ tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. U f’dak il-mument, il-Missier tana parir: ‘Isimgħu leħen ibni’. Ġesù stess illum jgħid, li għalkemm mhumiex fil-glorja tiegħu, imma qiegħed fl-umiljazzjoni tiegħu: “Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Il-verità fuqi nnifsi, il-verità fuq il-proxxmu, il-verità fuq Alla li hu mħabba – imħabba ġusta, imħabba vera.
Ejjew illum, nitolbu l-Mulej, sultan tal-qalb tagħna, li jiġbidna lejh u li nisimgħu leħnu. Il-kelma ta’ Ġesù, anke meta ċċanfarni, hi kelma ta’ verità li tagħmilli l-ġid; hi kelma ta’ mħabba, li tridni nkun persuna aħjar. Jiena nistieden ukoll lill-persuni li jgħixu l-ħabs, biex jisimgħu leħen il-Mulej, li jsibu fil-leħen ta’ Ġesù l-leħen tal-verità, li jagħtihom libertà ġewwinija, għax il-libertà tagħna trid tibda mill-qalb. Jalla din l-esperjenza hawnhekk, tgħin biex dak li jkun isib ħajja ġdida, bidu ġdid u tama ġdida.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Dan 7:13-14
Salm: 92(93):1ab,1ċ-2,5
Qari II: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Ġw 18:33b-37