L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Jiena naħseb li l-omelija għamluha ż-żgħażagħ illejla. Ovvjament applikaw din il-parabbola straordinarja ta’ Ġesù għall-kwestjoni tal-vokazzjonijiet, kulħadd għandu l-vokazzjoni tiegħu, is-sejħa tiegħu.

Il-ħlas huwa l-istess, ix-xogħol se jkun differenti, it-toqol forsi wkoll differenti (ara Mt 20:1-16). Ġesù qed jgħallimna lezzjoni importanti ħafna. Il-qalb tajba tiegħu taf tfixkilna għax ma tikkalkulax kif nikkalkulaw aħna. Imma jien naħseb li min hu missier u l-ommijiet hawnhekk, bl-imħabba lejn uliedhom jitgħallmu jressqu l-qalb tagħhom ħafna qrib lejn dik ta’ Alla. L-omm, jiġri x’jiġri minn binha, jagħmel x’jagħmel, tibqa’ ommu. U l-missier l-istess. U ħafna drabi biex nifhmu lil Alla rridu nidħlu fil-qalb tal-omm u fil-qalb tal-missier. Jista’ jkun ikollok diversi wlied, min kien bil-għaqal u grat, min forsi mħawwad u mgerfex, imma huma wliedek. 

U Alla jħares lejna b’dik il-ħarsa ta’ qalb twajba, ta’ omm u ta’ missier f’daqqa. U meta tidħol f’dan il-mod kif iħares Alla la tippretendi li inti aħjar minn xi ħadd u wisq inqas tiġġudika. Veru kien hemm min issejjaħ fil-bidu u bħalma jgħidu huma stess dawk il-ħaddiema li ssejħu fid-disa’ siegħa ħadmu, stinkaw fix-xemx, dawk tal-aħħar siegħa, ħadmu ftit irċevew ukoll huma l-paga ta’ ġurnata, għax dinar kienet fi żmien Ġesù, il-paga ta’ jum xogħol, dak li għandek bżonn biex tgħajjex il-familja.

Il-Mulej x’inhu jgħallimna? Li l-qalb tiegħu ma nifhmuhiex jekk ma nifhmux l-imħabba u l-ħniena.

U jiena nitlob fuqkom ż-żgħażagħ illum biex il-Mulej isejħilkom għal fejn irid imma fittxu dejjem l-imħabba u l-ħniena. U l-ġenituri tagħkom nixtieq nirringrazzjakom tal-imħabba u l-ħniena li turu, tal-ħarsa tagħkom, tal-imħabba u l-ħniena għax ifakkruna fil-ħarsa ta’ Alla. Dak ukoll is-sagrament li ngħatajtu.

Aħna s-saċerdoti msejħin biex nibnu l-komunità u nrejquha bis-sagramenti tal-Magħmudija, tal-Qrar u tad-Dilka tal-Morda. Dawk huma sagramenti li jġibu l-maħfra tad-dnubiet, li jiftħulna l-bieb għas-Saltna t’Alla, imma wkoll bl-Ewkaristija. Imma l-omm u l-missier mhux hekk jagħmlu meta kuljum jitħabtu biex fuq il-mejda tal-ikel iġibu l-ħobżna ta’ kuljum? Alla jimxi magħna ta’ missier u għandu qalb ta’ omm. U lilkom iż-żgħażagħ biex tifhmu lil Alla ngħidilkom jistgħu ikunu mimlijin bid-difetti imma biex tifhem l-imħabba, ftakar f’ommok u missierek u ifhem, anke meta jkun diffiċli tifhem, li l-lingwa li tgħinek tifhem żgur se tkun dejjem il-lingwa tal-imħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 55, 6-9
Salm: 144 (145), 2-3.8-9.17-18
Qari II: Fil 1, 20c-24.27a
Evanġelju: Mt 20, 1-16

Aktar ritratti >>