Ħuti,
Fir-Randan il-Komunità Nisranija tagħmel riflessjoni dwar ir-Rieda ta’ Alla l-Missier u kif Sidna Ġesù Kristu wettaqha sal-mewt fuq is-salib. Hija stedina għalina biex aħna wkoll inwettqu dan fl-aspetti kollha tar-Rieda ta’ Alla fuqna.
Il-Mulej għandu modi differenti kif jiftħilna għajnejna dwar aspetti differenti tal-Pjan ta’ Alla.
Din is-sena l-Mulej fetħilna għajnejna fuq xi ħaġa li kienet hemm, iżda ħassejna lilna nfusna qisna bla qawwa quddiemha. Ma konniex qegħdin nindunaw biżżejjed li, fis-soċjetà ta’ madwarna, il-kultura dwar iż-żwieġ u l-familja nbidlet. Konna ngergru għaliex ‘m’għadniex bħal qabel’ u nirrassenjaw ruħna għal dan.
Din is-sena, id-diskussjoni dwar id-divorzju fetħitilna għajnejna mhux biss dwar dan il-mod kif jitħassar żwieġ dejjiemi, iżda għenitna nagħmlu l-mistoqsija dwar din il-kultura. Forsi lanqas konna ndunajna biżżejjed kemm din inbidlet, u allura, kemm ħafna drabi tkun ta’ tfixkil għal dawk li jkunu jixtiequ jiżżewġu u jipperseveraw fiż-żwieġ.
Din is-sena rridu neħduha bħala grazzja mill-Mulej għax lilna l-Insara fetħitilna missjoni kbira. Ma nistgħux nibqgħu b’rasna mistrieħa dwar il-kultura taż-żwieġ: għandna l-missjoni li nibnu kultura ġdida dwar iż-żwieġ. Għan-Nisrani, il-vojt tal-kultura ma jbeżżgħux, bħalma ma beżżax l-ewwel Insara. Hija sfida sabiħa biex jimliha bil-valuri spirati mill-Kelma ta’ Alla.
Din hija parti mill-Evanġelizzazzjoni l-ġdida li tant qegħdin jisħqu fuqha l-Papiet: li permezz tal-Knisja niltaqgħu mal-Kelma ta’ Alla li hija l-għajn ta’ kull valur, u li din l-Evanġelizzazzjoni trid tgħaddi permezz tal-familja.
Il-Loġika ta’ Alla
.
In-Nisrani huwa dak li ħa deċiżjoni f’ħajtu biex jimxi wara l-Mulej. It-triq, il-mappa, hija l-Kelma ta’ Alla. Huwa jgħixha fi ħdan il-komunità li waqqaf il-Mulej Ġesù, jiġifieri l-Knisja.
Il-Kelma ta’ Alla turih b’mod speċjali l-ħsieb ta’ Alla għall-bnedmin. Il-Kelma ta’ Alla tiġi murija f’żewġ ħsibijiet prinċipali. L-ewwel wieħed huwa l-ħsieb, il-loġika ta’ Alla fil-ħolqien, il-pjan tal-Ħallieq. It-tieni wieħed huwa l-loġika, il-ħsieb ta’ Sidna Ġesù Kristu: Hu ġie mibgħut minn Alla l-Missier biex jurina bil-ħajja u t-tagħlim tiegħu, kif ngħixu l-ideal tal-ħolqien f’dinja tqila u ta’ tfixkil. Jekk insegwu l-għażliet li għamel Ġesù, ma nitfixklux fil-ħarsien tal-valuri tal-ħolqien.
Alla huwa Ħallieq Divin. Kull ma għamel, għamlu bi ħsieb u bi pjan biex dan il-ħolqien jilħaq l-aħjar possibiltajiet tiegħu. Alla mhux Ħallieq agħma. Hu ma taniex il-ħolqien u ma juriniex x’għandna nagħmlu bih. Alla għamel dan il-pjan madwar il-bniedem li hu ħalqu “xbieha tiegħu”. Kull darba li l-bniedem telaq dan l-ideal, kienet l-umanità kollha li sofriet: dan narawh fuq id-dinjità ta’ kull persuna indipendentement minn razza, kulur, reliġjon, eċċ, u qed niskopruh dejjem iktar fir-rispett u l-kura tal-ambjent.
Hekk ukoll, Alla kellu pjan għaż-żwieġ u l-familja. Kien l-ikbar don li Alla ta lill-bniedem. Dan il-pjan kien ibbażat fuq id-dinjità ta’ kull bniedem, raġel u mara, li tiġi mhux minn kultura iżda għax ġew maħluqin indaqs xbieha ta’ Alla; id-don ta’ Alla tal-mara lir-raġel u tar-raġel lill-mara; il-ġibda li poġġa fil-bniedem li mbagħad il-bniedem jeħodha f’idejh u jagħmilha mħabba stabbli – “ġisem wieħed”. Dan il-pjan kollu sawru Alla biex permezz tiegħu jitwieldu bnedmin ġodda mdawrin minn din l-istabbilità ta’ mħabba fit-tnissil u t-trobbija tagħhom (Ara Ġenesi kap 1 u 2). Tant huma marbutin ma’ xulxin l-elementi kollha ta’ dan il-pjan, li meta żwieġ jitkisser dan il-ġid jintilef.
Skont dan il-pjan ta’ Alla, għażla favur iż-żwieġ u l-familja hija għażla favur il-bniedem innifsu. Ir-realtà ta’ madwarna turi dan bl-istatistiċi tat-tbatija fuq il-koppja nfisha, iżda l-iktar fuq it-tfal.
Ir-Responsabbiltà tal-bniedem
.
Alla ħalla f’idejn il-bniedem li jwettaq dan il-pjan tiegħu dwar il-ħolqien. Ir-responsabbiltà kbira li taqa’ fuq il-bniedem tidher fl-istorja ta’ Adam u Eva. Alla mhux biss iħallilhom kollox f’idejhom, iżda wkoll jagħtihom responsabbiltà li ma jagħżlux triq oħra. Din hija t-tifsira tas-siġra tat-tajjeb u l-ħażin li tissemma fil-Ġenesi (kap 3). Din hija l-għażla tal-bniedem f’kull żmien: jagħżilx it-triq ta’ Alla, jew it-triq kif jifhimha hu, ta’ loġika purament umana li tbiegħdu mit-triq ta’ Alla.
Alla mhux biss jagħti din ir-responsabbiltà lill-bniedem iżda jistaqsi lill-bniedem x’għamel dwar dan il-pjan. Lil Adam staqsieh: “Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” Alla staqsa wkoll lil Eva: “Xinhu dan li għamilt?” Fil-Ġenesi (kap 4,1-16) Alla jistaqsi lil Kajjin wara li dan qatel lil ħuh Abel: “Fejn hu ħuk Abel?” Alla jistaqsihom għaliex ma wettqux il-pjan tiegħu. In-Nisrani jgħix il-ħajja tiegħu, personalment u fil-komunità tal-Knisja, konxju li anki hu jrid iwieġeb għal dawn id-domandi. Din hija r-responsabbiltà li aħna nsejħulha bl-isem ta’ ‘kuxjenza’!
Il-loġika ta’ Kristu
.
Dawn l-ideali huma diffiċli li ngħixuhom f’kuntest ta’ dinja diffiċli. Alla l-Imbierek bagħat lil Ibnu biex jurina kif f’din id-dinja diffiċli kapaċi nibqgħu mexjin lejn l-ideal tal-ħolqien.
Hekk Ġesù uriena kif għandna ngħixu l-imħabba f’din id-dinja magħmulha diffiċli mit-tfixkil ta’ ġewwa fina u ta’ madwarna. Ġesù għexha fl-għotja tiegħu nnifsu, fil-maħfra, fil-ġenerożità ma’ min hu dgħajjef, fil-paċenzja biex jgħallem lil min kien għażel bħala dixxiplu tiegħu. L-għażla għal-Loġika Divina li semmejna fuq trid tkun magħquda mal-għażla li dan il-valur rridu ngħixuh kif għallimna l-Mulej Ġesù: ma tistax tgħix ‘imħabba vera’ biss b’loġika umana li tkun maqtugħa minn Alla, iżda fuq il-loġika ‘Kristjana’ tat-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Għandna episodju fil-ħajja tal-Mulej Ġesù meta din l-għażla tidher ċara fil-kuntest tal-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja (Mt 19, 3-10). Hu ġie affrontat minn grupp ta’ Fariżej li kellmuh fuq id-divorzju. Ġesù juri fit-tweġiba tiegħu li hu mweġġa’. Ir-raġuni tal-weġgħa tiegħu kienet tixbah lil dik ta’ Alla fl-għażla li għamlu Adam u Eva. Il-Fariżej iktar emmnu li jistgħu jibnu soċjetà aħjar jekk tiġi bbażata fuq il-possibiltà tad-divorzju milli jekk tibniha fuq l-istabbilità taż-żwieġ.
Erġajna għal deċiżjoni fundamentali għan-Nisrani: nemmen u nimxi fuq il-pjan u l-loġika ta’ Alla fil-ħolqien għal għaqda sħiħa bejn raġel u mara li jsiru “ġisem wieħed”, jew fuq il-loġika umana maqtugħa minn Alla li tinsab fit-tkissir ta’ din l-għaqda permezz tad-divorzju? Ir-realtà ta’ madwarna fejn soċjetajiet għażlu din il-loġika umana twassalna biex nieħdu deċiżjoni personali. Irridu naraw jekk soċjetà bid-divorzju tagħtix ġejjieni aħjar lis-soċjetà aktar milli tibniha madwar stabbilità taż-żwieġ u tinvesti fiha biex tibniha.
F’dan, in-Nisrani ma għandux jibża’ li jkun differenti minn ħsibijiet oħrajn għaliex jaf li, anki jekk ikun waħdu quddiem id-dinja, ma jkunx waħdu quddiem Alla. Hija ta’ konsolazzjoni kbira li jkun għamel din l-għażla quddiem Alla, anki jekk ikollu jħallas dan il-prezz.
L-imħabba ta’ Ġesù
.
In-nuqqas ta’ Adam u Eva huma mmarkati diġà minn pjan ieħor ta’ Alla biex jerġa’ jiġbidhom lejh. Issa l-għażla ta’ Alla trid tiġbor lill-bniedem li issa huwa midneb, u jħobbu hekk u jagħmel pjan li jressqu lejh f’din il-kundizzjoni. Il-wegħda ta’ Alla lil Noe: “Arawni, jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom…” (Ġen 9,9), tfisser patt ġdid ta’ Alla mal-bniedem li kapaċi jitfixkel u jidneb.
Ġesù, li ġie mibgħut mingħand Alla l-Missier f’din id-dinja li hija imperfetta, għallimna u wriena li iktar ma ppriedka dan il-pjan ta’ Alla f’kollox, iktar kien juri l-imħabba tiegħu lejn dawk li jfallu fih biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn it-tajjeb. Meta Ġesù lill-mara li nqabdet fl-adulterju ma kkundannahiex imma qalilha biex ma tidnibx iżjed, hu juri l-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn dawk li jonqsu biex jagħtihom ċans ħalli jerġgħu jittamaw fih.
Aħna bħala dawk li mexjin fuq il-passi ta’ Ġesù rridu nimxu fuq il-passi tiegħu anki f’dan. Iktar ma ż-żwieġ ta’ koppja jkun sabiħ, iktar għandha tħossha msejħa biex tħares b’imħabba lejn dawk li qegħdin ibatu mill-falliment taż-żwieġ tagħhom u tagħti s-sehem tagħha biex tgħinhom.
Ir-Randan
.
Jekk dan il-pjan kien tant ċentrali għall-Mulej, nistgħu ngħixu r-Randan din is-sena madwar dan il-pjan biex ilkoll nagħtu s-sehem tagħna ħalli dan iseħħ. Nixtiequ nagħtukom xi suġġerimenti kif ngħixuh: agħmlu l-meditazzjoni tal-ħajja miżżewġa tagħkom madwar il-kwalità tal-imħabba li ħarġet mis-salib ta’ Ġesù. Għaqqdu l-ħajja miżżewġa tagħkom iktar qrib tal-Mulej Ġesù: bil-quddies regulari tal-Ħadd, bit-talb ta’ kuljum. Għaqqdu l-penitenza tar-Randan mal-ħajja taż-żwieġ tagħkom: aħdmu kontra dak li qiegħed ifixkel l-imħabba tagħkom. Ibdew kunu xhieda taż-żwieġ tagħkom kullimkien bla mistħija: b’ritratt tal-mara/tar-raġel tagħkom jidher fuq il-post tax-xogħol; tidħlux f’diskors li jwaqqa’ l-ħajja taż-żwieġ, u ħafna drabi l-mara, għaċ-ċajt.
Ma nistgħux nimmaġinaw mod isbaħ illum kif niċċelebraw ir-Randan milli nibdew nagħtu s-sehem tagħna biex insaħħu ż-Żwieġ u l-Familja u nibnu kultura f’pajjiżna madwar il-pjan ta’ Alla. Naqsmu magħkom il-missjoni biex nitolbu lil Alla l-Missier, flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, biex nibnu dan il-Pjan b’qima lejn Alla l-Missier.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
Tista’ tara l-Ittra Pastorali fuq YouTube, f’żewġ partijiet: