L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Min jaf kemm-il darba nissilna t-talba għażiża: ‘O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minna mingħajr ħtija’. Ġesù fl-Evanġelju llum jitkellem fuq din l-aħħar parti tat-talba għażiża li ngħidu lill-Madonna Kunċizzjoni Immakulata: ‘Aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minn din id-dinja mingħajr ħtija’. Hi fit-tnissil Immakulat tagħha, daħlet fid-dinja mingħajr tebgħa tad-dnub. Il-Mulej ħares lejha b’ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba speċjali. Kif ngħidu fit-talba, li llum ukoll għidna, aħna u nibdew din il-preparazzjoni mill-qrib għall-festa l-kbira tat-8 ta’ Diċembru, kif ngħidu f’dik it-talba, il-Mulej mhux ħelisha, imma ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Lilna l-Mulej jeħlisna, għax aħna nitwieldu bid-dnub oriġinali, bit-tebgħa tad-dnub tan-nisel.

F’qalbna hemm tissielet dejjem il-ħajja għal dak li mhux sewwa, u kultant ngħotru u nidinbu. Hi l-kundizzjoni tagħna, għalhekk għandna bżonn Salvatur, għandna bżonn min jeħlisna. Biex il-Mulej jipprovdilna dan is-Salvatur, li kellu jkun l-Iben tiegħu magħmul bniedem, agħżel li Ibnu jitwieled minn mara, u lil din il-mara, Marija ta’ Nazaret, it-tifla għażiża ta’ Anna u Ġwakkin; il-Mulej fil-ħniena tiegħu ddeċieda li mhux jeħlisha mid-dnub, imma jħarisha mid-dnub. Din hi l-festa l-kbira li nagħmlu fil-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru.

‘O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa’. Kif daħlet fid-dinja mingħajr tebgħa? Fit-tnissil tat-twelid tagħha, fil-konċepiment Immakulat tagħha. Lil Bernardette Soubirous, fil-25 ta’ Marzu 1858 qaltilha, wara li Bernardette damet tinsisti fuq l-ordni tal-kappillan, imma lid-dehra għidilha x’jisimha? U qaltilha: ‘Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni’. Hekk sejħet lilha nnifisha. Bernardette Soubirous ma kinitx taf xi tfisser din il-ħaġa. Il-Madonna kelmitha bid-djalett ta’ dawk l-inħwi: “Que soy era Immaculada Concepciou” Marret tiġri għand il-kappillan tirrepeti dawn il-kliem biex ma tinsihomx. Kif fetaħ il-bieb ma qaltlux ‘Bonjour’, kif inti? Qaltlu dan il-kliem, u baqa’ mbellah. Min qalhomlok dal-kliem? Id-dehra. Sa dak il-ħin kienet tgħidilha ‘dik’, ‘Aquéro’; dik li dehret. Imma dakinhar il-Madonna tatha isimha: ‘Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni’. Il-kappillan fehem li dak il-kliem ma setgħetx tivvintah Bernardette Soubirous; imma kien kliem li ġej mis-sema.

‘Inti, O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa’. Waqt li qed ngħidu l-ewwel biċċa ta’ din it-talba, qed nifhmu, kemm hi kbira l-ħniena t’Alla. Għax kif tgħallem il-Knisja, il-Mulej ħares lil ommu, minn kull tebgħa tad-dnub fit-tnissil tagħha. Malli tnislet fil-ġuf ta’ ommha, Anna; malli bdiet teżisti bħala bniedma, billi ħares lejn il-merti ta’ Binha Ġesù, għaliex Alla, Sid tal-istorja, iħares lura imma jħares ukoll lejn l-istorja kollha. Ra l-merti tal-Iben ta’ dik il-mara li kellu jitwieled minnha, meta kellha xi 16-il sena, u l-merti tal-passjoni tiegħu, meta mbagħad kellu madwar 33 sena. Ħares lejhom u ħares lilha minn kull tebgħa tad-dnub.

Alla hu l-ħelsien tagħna, it-tama tagħna, il-faraġ tagħna

X’għandu bżonn jagħmel magħna l-Mulej? Lilna mhux iħarisna, imma jeħlisna. Ukoll ngħidulu: ħarisna minn kull dnub’; imma għandna bżonn min jeħlisna għax aħna midinbin. It-tifel tal-Madonna, Ġesù ta’ Nazaret jgħid: “Jien mhux lil ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5:32), għall-ħelsien, għall-paċi tal-qalb.

“F’dawk il-jiem”, din il-profezija ta’ Ġeremija, li bdejna biha f’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent. “F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ, u għalhekk insejħulha: “il-Mulej is-sewwa tagħna”.” (Ġer 33:16) Aħna nħarsu lejn il-Madonna, Konċepita Immakulata, il-Kunċissjoni Immakulata, u ngħidu: f’dawn il-jiem il-poplu t’Alla jinħeles, il-poplu t’Alla jgħammar b’moħħu mistrieħ. Għaliex hi, il-Madonna, hi garanzija li Alla hu s-sewwa tagħna. Alla hu l-ħelsien tagħna, it-tama tagħna, il-faraġ tagħna. Allura kemm hu sabiħ il-kliem li jgħidilna l-Mulej, li fost it-taqlib tad-dinja, u fost dak il-mument ta’ tmiem, fejn nitolbuha, ‘aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minn din id-dinja mingħajr ħtija’. Lilna jgħidilna li “meta taraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira… qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:27-28). Wara kollox ma ninsewx li fit-talba għażiża tal-Ave, tas-Sliema, ngħidulha lil Madonna: ‘itlob għalina l-midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna’. Min jaf kemm il-darba nitolbuha din it-talba.

U għalhekk, meta l-Mulej jgħidilna l-ħajja għożżuha, għixuha; ħallikom minn dak kollu li aħna l-bnedmin nużaw biex ninsew. “L-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor” (Lq 21:34), li jmewtulna qalbna, jgħidilna Ġesù. Il-Mulej jixtieq li qalbna tkun qalb ħajja, mhux immewta bis-sokor u dak kollu li jnessina; jew inkella mifnija bil-ħsibijiet żejda li jtaqqluna, li jwaqqgħuna f’dipressjoni; il-Mulej jafna lkoll, u fejn qegħdin.

F’din il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, ejjew nitolbu lill-Madonna tipproteġi lil pajjiżna; lid-dinja, b’mod speċjali, f’dan il-kuntest ta’ pandemija. Ejjew nitolbuha biex tkun hi li tħarisna, li tipproteġina. Wara kollox titlu antik, meqjum f’din il-parroċċa, hi ta’ Sidtna Marija tas-Sokkors, dik li tgħinna fl-inkwiet tagħna. Ejjew nitolbuha, tħarisna u titlob għalina. ‘O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqgħlalna l-grazzja li noħorġu minna mingħajr ħtija’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġer 33:14-16
Salm: 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14
Qari II: 1 Tess 3:12–4:2
Evanġelju: Lq 21:25-28,34-36