L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù kien jaf sew min hi ommu u kien jaf sew ukoll kemm hi għamlet ir-rieda tal-Missier. Niftakru biss biss fil-kelma li qalet lill-anġlu Gabrijel: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmltek” (Lq 1:37). U l-kelma wkoll li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Mela l-Madonna mhux biss għamlet ir-rieda tal-Missier imma wkoll tgħallimna biex aħna nagħmluha. Il-Mulej, meta għallimna t-talba tiegħu, għallimna nitolbu: “Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:9).

B’dan l-ispirtu aħna qed nibdew dan il-pellegrinaġġ. Min jaf kemm għandna xewqat fil-qalb tagħna, forsi għandna xi mard ukoll li l-Mulej nixtiquh itaffilna t-toqol tiegħu. Illum lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ ommu Marija, ngħidulu: ‘Għallimni nilqa’ r-rieda tiegħek. Inti taf kemm aħna dgħajfin, agħtina l-qawwa nagħmlu r-rieda tiegħek’.

F’dan il-post il-Madonna sejħitilna għall-konverżjoni, għall-penitenza. Tatna sinjali sbieħ li lkoll se niċċelebraw flimkien f’dawn il-ġranet, mhux biss bil-purċissjoni bid-dwal mixgħula f’idejna aħna u ngħidu r-rużarju, mhux biss bl-akkumpanjament li nagħmlu wara Binha Ġesù ħaj fis-sagrament tal-Ewkaristija imma wkoll bil-ħasil ritwali li jfakkarna fil-Magħmudija – il-ħasil bl-ilma mill-għajn li hi indikat lil Bernadette Soubirous fl-1858.

“Urina għeġubijietek. Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen u jaħfer id-dnub lill-fdal wirtu?” (Mik 7:15,19). Aħna għandna din il-fidi fil-Mulej, sid tal-istorja, li kapaċi jidħol fl-istorja, fil-ħajja, fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna u jittrasformaha – il-qawwa li dak kollu li hu negattiv, ħażin, dnub ibiddlu fit-tajjeb, fis-sewwa, fil-grazzja.

“Ġieb ruħek ma’ Ġakobb bil-fedeltà, bil-ħniena ma’ Abraham” (Mik 7:20). Dan il-kliem tal-profeta Mikea l-Madonna tfakkru meta tfakkarna li “l-ħniena tal-Mulej tinfirex f’kull żmien u f’kull post” (Lq 1:50). Ejjew f’riġlejn il-Madonna f’dan il-post fejn Bernadette Soubirous kellha din l-esperjenza qawwija li tiddjaloga ma’ omm Ġesù għal kemm-il darba propju f’dan il-post.

Ejjew nitolbu li aħna wkoll fid-djalogu intimu ma’ omm Ġesù nitgħallmu li biex inkunu ommu u oħtu u ħuh irridu nagħmlu r-rieda tal-Missier, u aħna li aħna dgħajfin u midinbin induru lejn il-ħniena tal-Mulej li jieħu ħsiebna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mik 7:14-15,18-20
Salm: 84 (85):2-4,5-6,7-8
L-Evanġelju: Mt 12:46-50