L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dawn il-ġranet qegħdin naqraw siltiet minn djalogu li sar billejl bejn Ġesù u Nikodemu. Nikodemu kien wieħed mill-għorrief tal-Liġi u nsibuh ukoll fil-Passjoni ta’ Ġesù, għax flimkien ma’ Ġużeppi ta’ Arimatija jmur għand Pilatu u jitolbu l-ġisem ta’ Ġesù. Nikodemu stess iġib fwejjaħ li jiswew ħafna flus. L-ammont li ġab Nikodemu għad-difna ta’ Ġesù kien l-ammont li jintuża għar-rejiet. Imma f’dan il-mument, fit-tielet kapitlu ta’ San Ġwann, l-Evanġelista jirrakontalna dan id-djalogu, li jikkonċentra fuq il-magħmudija. Wara l-Għid l-Knisja tagħżel qari li ħafna drabi jitkellem dwar il-magħmudija. Ġesù jispjega li l-magħmudija hija twelid ġdid. Aħna nitwieldu mill-ommijiet tagħna imma l-magħmudija hija twelid ġdid; twelid mhux bil-qawwa tal-ġisem imma bil-qawwa mill-Ispirtu. Hekk jiġri kull min jitwieled mill-Ispirtu.
Aħna li tgħammidna meta konna trabi, inħafrilna d-dnub oriġinali għaliex ma kellniex dnubiet personali. Allura kif ser jinħafruli d-dnubiet personali? Kif ser nitwieled mill-ġdid meta nkun dnibt? Hawnhekk il-Mulej tana s-sagrament tal-qrar li jagħtina twelid ġdid. Is-sagrament tal-qrar hu marbut ħafna mas-sagrament tal-magħmudija. Jekk is-sagrament tal-magħmudija jaħfer id-dnubiet kollha, hekk ukoll is-sagrament tal-qrar. Aħna għandna bżonn nitwieldu mill-ġdid billi nersqu lejn dan is-sagrament tant sabiħ: il-maħfra ta’ Alla li tingħathalna wara l-magħmudija. Imma fis-silta li smajna llum Ġesù jilmenta ma’ Nikodemu li qed jitkellem dwar l-affarijiet ta’ Alla, u dawn li huma l-għorrief tal-Liġi, qishom ma jixtiqux jifhmuh, ma jridux jisimgħuh. M’għandniex ir-risposta ta’ Nikodemu għal dak li jgħid Ġesù. Donnu Ġesù mbagħad jirreferi immedjatament għas-salib, li jkun merfugħ ’il fuq. “Kif Mosè rafà s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14).
Aħna m’aħniex imsejħin għall-vjolenza, għall-vendikazzjoni, għall-arroganza, u għall-abbuż tal-poter.
B’xi mod Ġesù qed jgħallimna wkoll li l-verità li ġabilna mhix ser tkun milqugħa dejjem. Ser ikun hemm min jagħmlilha gwerra. Il-ħajja tal-Papa San Martin turina dan. Anke fil-Knisja ser ikun hemm ħafna gwaj, ħafna dulur u ħafna martri, u biex nibqgħu niddefendu t-tagħlim li ġabilna Ġesù. Ġesù hu l-ewwel martri. L-ewwel wieħed għaliex minħabba l-verità li tagħna, aħna ċħadnieh, tajnieh għall-mewt, u sallabnieh. Din ir-realtà tkompli fil-Knisja. Kemm martri mietu biex jiddefendu t-tagħlim li ġabilna Ġesù. Kemm hu għażiż allura dan it-tagħlim! Ġesù mhux biss ħallas għalih bid-demm tiegħu imma fil-Knisja jibqa’ jħallas il-prezz ta’ min ma jixtiqx, ta’ min jagħmillu gwerra, u r-risposta hija x-xhieda. Wara kollox il-kelma ‘martirju’ tfisser ‘xhieda’. Aħna m’aħniex imsejħin għall-vjolenza, għall-vendikazzjoni, għall-arroganza, u għall-abbuż tal-poter. Ix-xhieda tagħna tkun billi nagħtu ħajjitna għall-verità. Nitolbu l-interċessjoni tal-qaddisin martri. Illum qed niftakru f’dan il-papa qaddis li bata ħafna minħabba t-tagħlim li Ġesù hu Alla veru, u bniedem veru.
Nitolbu l-interċessjoni tal-Papa San Martin I għalina l-isqfijiet u għal kull minn fil-Knisja huwa msejjaħ biex ikun xhud tal-verità li Ġesù huwa veru Alla u veru bniedem. Aħna u nħarsu lejn San Martin I, li miet fis-sena 655, ma nistgħux ninsew li anke fi żmienna, hemm min ta’ ħajtu biex ma jiċħadx lil Ġesù. Qed niftakar f’dawk il-ħaddiema li nqatlu ftit tas-snin ilu fuq ix-xtut tal-Mediterran, għax ma ridux jiċħdu lil Ġesù. Il-martri se jkunu dejjem magħna, aħna x’għażla ser nagħmlu?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:32-37
Salm: 92 (93), 1ab.1c-2.5
Evanġelju: Ġw 3:7b-15