L‑Arċidjoċesi ta’ Malta tinnota b’dispjaċir l‑istqarrija tal‑kumpanija GO iktar kmieni llum, fejn intqal li l‑ammont ta’ donazzjonijiet irrappurtati miġbura permezz ta’ maratoni televiżivi ġie rivedut ’l isfel b’€1.4 miljun. Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, qal li kważi nofs dan it‑tnaqqis, ekwivalenti għal €654,000, se jaffettwa l‑pjanijiet tad‑Dar tal‑Providenza u l‑Caritas, b’impatt dirett fuq il‑ħidma matul din is‑sena ta’ dawn iż‑żewġ istituzzjonijiet ta’ karità tal‑Knisja.

F’laqgħa mal‑Kap Eżekuttiv tal‑GO s‑Sur Nikhil Patil, is‑Sur Pace Ross esprima d‑diżappunt tal‑Arċidjoċesi u qal li dan ma kienx il‑livell ta’ servizz li l‑Arċidjoċesi tistenna mill‑kumpanija GO. Filwaqt li fehem l‑ispjega teknika li ngħatat, is‑Sur Pace Ross qal li hemm bżonn li l‑kumpanija jkollha sistemi aktar robusti fis‑sistema tad‑donazzjonijiet biex żbalji bħal dawn ma jerġgħux isiru. 

L‑Arċidjoċesi ħadet nota tal‑apoloġija li saret mill‑GO, u tħares ’il quddiem biex il‑kumpanija ssarraf l‑impenn tagħha f’għajnuna lid‑Dar tal‑Providenza u lill‑Caritas.