Eċċellenza, Sur President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ llum tfakkarna f’realta’ storika – it-tmiem tal-Asssedju ta’ Malta fl-1565 u t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija f’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem ta’ Malta f’din il-Gwerra, fit-8 ta’ Settembru, 1942.

Aħna niċċelebraw dan il-jum b’żewġ modi. L-ewwel bħala realta’ storika, ċivili, li tfakkarna l-ferħ tal-Poplu tagħna f’din l-okkażjoni, ferħ li kien ifisser li l-Poplu tagħna seta’ jgħix ħajja normali mingħajr it-tbatija, il-biża’ u l-mewt li jiġu mill-gwerer.

Aħna niċċelebraw ukoll ir-realta’ reliġjuża ta’ dawn l-avvenimenti, kemm għaliex l-istorja tal-Poplu tagħna hija magħġuna mar-Reliġjon Nisranija għal dawn l-2000 sena, kif ukoll għaliex il-poplu li għex dawn l-avvenimenti għexhom ukoll f’sens ta’ fidi. Dawk iż-żmijnijiet, il-Poplu tagħna ħa s-saħħa ukoll mit-talb, mit-tama li tiġi mill-Fidi tagħna.

It-tifkira, anki b’rispett lejn il-persuni li għexuhom, ngħixuhom f’dan iż-żewġ interpretazzjonijiet tal-istorja.

Hawnhekk xtaqt li naqsam magħkom riflessjoni fuq l-interpretazzjoni reliġjuża, ta’ fidi, tal-istorja anki tagħna llum. Persuni li jemmnu ma jistgħux jifirdu dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet, u bħala poplu li fil-maġġoranza tiegħu għadu jgħix fid-dawl tal-Fidi nisranija tiegħu, huwa importanti li jagħmel ukoll riflessjonijiet fuq din l-interpetazzjoni li toħroġ mill-Fidi Kristjana.

Interpretazzjoni fil-Fidi

Għan-nisrani l-Kelma ta’ Alla tfisser ħafna ħwejjeġ. Hija mezz ta’ kif jara dak li huwa soprannaturali u li allura ma jistax ikun jaf jekk mhux mill-Kelma ta’ Alla: min hu Alla kif ġie muri f’Sidna Ġesu’ Kristu, xinhu l-valur veru tal-ħajja, x’hemm wara l-mewt.

Iżda meta Alla sar bniedem il-Kelma ta’ Alla saret ukoll mezz ta’ interpretazzjoni partikulari tal-istorja tal-bniedem. Dan jgħodd bħala interpretazzjoni tal-ġrajjiet tal-umanita’ fiha nfisha, iżda hija ukoll għajn ta’ dawl fl-interpretazzjoni tal-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-bniedem li jemmen jużahom kemm bħala riflessjoni tal-ġrajjiet li jkunu għaddew, iżda ukoll bħala ispirazzjoni personali biex jimla l-ġrajjiet tal-ħajja tiegħu bil-valuri tal-Kelma ta’ Alla.

Skont il-Kelma t’Alla dan il-proċess jiġi spjegat fi tliet mumenti importanti ħafna:

Fir-rakkont tal-bidu tal-ħolqien aħna nsibu li Alla qal lill-bniedem: “Nisslu u oktru u imlew l-art, u aħkmuha” (Ġen 1,28). Dan huwa s-sinjal lill-bniedem biex jieħu fuq spallejh ir-responsabbilta’ li, flimkien mal-Ħallieq, imexxi il-Ħolqien. L-istorja tal-Kelma ta’ Alla ma tkellimniex biss fuq il-Ħallieq u l-bniedem mitluf fil-Ħolqien, iżda fuq Alla li kontinwament jistieden lill-bniedem biex jieħu ħsieb il-Ħolqien u d-destin tiegħu flimkien ma’ Alla. Min-naħa l-oħra, fil-Kapitlu 3 tal-Ġenesi għandna riflessjoni profonda fuq l-effett tad-dnub u l-ħażen fuq il-bniedem.  Insibu l-kliem: “Bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok” (3, 19). Dan jurina l-fatt li issa li taħdem ma’ Alla biex ittejjeb il-ħolqien hija sfida li titlob tbatija u sagrifiiċċju, u  li ħafna drabi trid taqdef kontra l-kurrent.

It-tieni mument  insibuh fil-ġrajja ta’ Abraham, dak li permezz tiegħu, Alla kellu jidħol fl-istorja tal-bnedmin u jibqa’ fiha permezz ta’ Poplu. Abraham huwa l-persuna li jieħu d-deċiżjoni li jħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-Mulej u li jafdah.

It-tkomplija ta’ din il-fiduċja nsibuha f’Mose’. Din id-darba Alla huwa iktar speċifiku: ma jitlobx biss fiduċja f’mixja, iżda jitlob mill-Poplu li jafda f’Alla li jmexxih bħala Poplu, b’direzzjoni ċara. Huwa ta lill-Poplu tiegħu l-kmandamenti. Alla ried jgħin lill-bniedem  billi jurih x’inhuma dawk il-valuri li s-soċjeta’ għandha bżonn biex tkun iktar umana. Il-bniedem jinduna kemm il-kmandamenti huma validi meta jinvokahom favurih: li ma joqtluhx, li min hemm ħdejh ikun fidil lejh; li ma jiġix misruq. Alla fehem li l-bniedem fl-istat attwali tiegħu jista’ jitfixkel: jippretendi l-valuri, iżda ma jgħixhomx. Għalhekk tah bħala prova li verament iridhom, li l-bniedem jieħu deċiżjoni li ma jagħmel xejn kontrihom. Il-kultura tal-valuri trid tinbena mhux biss billi wieħed jippretendiha li qiegħda hemm. Wieħed ikun jaf li jrid jagħti s-sehem tiegħu biex jibni soċjeta’ bla serq, per eżempju, mhux meta jitkellem biss u jippretendi li ma jisirquhx iżda meta jieħu deċiżjoni soda li hu qatt mhu se jisraq.

L-aħħar pass f’din il-mixja huwa proprju l-Mulej Ġesu’ li ġie mhux biss biex jgħallem iżda biex jgħix u jbati ħalli  jibni din is-soċjeta’.

Fil-Vanġelu ta’ llum għandna lil Ġużeppi u Marija: il-persuni ż-żgħar li permezz tagħhom il-pjan ta’ Alla li jidħol fl-istorja tal-umanita’ seta’ jitwettaq. Tul is-sekli kollha kienu persuni bħal Ġużeppi u Marija – l-individwi li aċċettaw li jagħtu ħajja lil Ġesu’ f’ħajjithom – li taw il-kontribut tagħhom ħalli s-soċjeta’ tinbena fuq dawn il-valuri. Fil-mument li l-appostli u d-dixxipli ltaqgħu ma’ Ġesu’, liberament, iżda msaħħrin minnu, rabtu l-kuxjenza tagħhom ma’ dik tat-tagħlim ta’ Ġesu. Huma aċċettawh bħala “it-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja” (Ġw 14,6). Saret l-iktar ħaġa importanti għalihom u ħafna mietu martri għaliex il-Kelma ta’ Ġesu’ saret l-iktar kriterju importanti fil-ħajja tagħhom. Il-Knisja nbniet permezz ta’ persuni li ħassew il-missjoni li jgħaddu lill-oħrajn dak li emmnu fuq Ġesu’ u jippruvaw iwettquh fis-soċjeta’.

Il-Knisja

Il-Knisja għandha x’tagħti u tipproponi lis-soċjeta’ mit-tagħlim tal-Kelma ta’ Alla, għaliex nafu, fil-qalb tagħna, li huma l-valuri umani sodi.

Il-Knisja għandha viżjoni bbażata fuq il-valuri fundamentali tal-Vanġelu x’tixtieq tgħaddi lis-soċjeta’: il-bniedem fid-dinjita’ profonda tiegħu li ma tiddependi mill-ebda konċessjoni tal-istat, iżda qiegħda ġewwa fih, bħala xbieha ta’ Alla; il-bniedem, bħal fil-każ ta’ Eva, li huwa dejjem don għall-ieħor; komunikazzjoni ta’ mħabba bejn il-bnedmin li tibda u tissawwar fl-imħabba dejjiema bejn raġel u mara, u li fuqha tissawwar kull komunikazzjoni oħra fis-soċjeta’. Għandha pjan li fih tagħraf li hemm it-tajjeb u u l-ħażin – dak li jwassal għal dawn il-valuri fis-soċjeta’ u dak li jfixkel – li jegħlbu kull kunsiderazzjoni oħra purament soġġettiva u personali. Kunsiderazzjinijiet purament relativi u soġġettivi biss qatt ma jistgħu jibnu kultura, u allura jaslu biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu ta’ dannu għall-ġid komuni tas-soċjeta’.

Forsi mhux dan li qegħdin naraw ukoll iseħħ u jikber madwarna fid-dinja: il-ħela ta’ ħajjiet ta’ tant żgħażagħ bla motivazzjoni profonda għall-ħajja tagħhom; id-differenza bejn il-fqar u l-għonja li qiegħda dejjem iktar tikber; tfal li jiġu mċaħħdin mill-għożża ta’ trobbija b’sigurta’ ġewwa familja stabbli.

Proposti

Xtaqt naqsam magħkom xi proposti li Ġesu’ kien għamel fi żmienu lil ta’ madwaru:

L-ewwel propsta hi li min jemmen fil-messaġġ ta’ Ġesu’ ma jistax jemmen fl-ideali biss, iżda wkoll f’dak li Ġesu’ semmielna li jrid iwassal  jew jista’ ifixkel milli wieħed jilħaq dawn l-ideali. Dawn iridu isiru ukoll il-kriterju tal-kuxjenza tiegħu: iridu jsiru l-mappa ta’ ħajtu. Jiġri kultant li nsemmu l-idejal iżda ma nadottawx ukoll il-kriterji li qalilna Hu biex inwettquhom u allura dawk il-valuri ma nilħquhomx.

It-tieni proposta hi li Ġesu’ ġie biex ifakkarna fil-prinċipji li minnhom wieħed irid jitlaq biex jibni soċjeta’ li tixraq lill-bniedem. Kemm il-darba qabeż ir-realta’ li kienu qegħdin jgħixu n-nies tal-kultura ta’ żmienu, biex jeġa’ jirritorna lejn il-valuri li faċilment jistgħu jintnesew. Donnu ried jgħidilna jekk għandnix nibdew mir-realta’ attwali u mbagħad naraw fejn nistgħu ndaħħlu l-valuri, jew inkella nibdewx mill-valuri u nibnu s-soċjeta’ fuqhom inkella jibqgħu ħolma u mhux realta’. Nibdew mir-realta’ tan-nies li qegħdin jgħixu fil-faqar u jinsabu fit-tbatija jew mill-kumplikazzjonijiet tal-interessi ekonomiċi; mit-tisħiħ taż-żwieġ u l-familji, jew mil-leġislazzjoni prevalenti atl-pajjiżi ta’ madwarna; mill-ambjent bħala valur, jew mill-kilba tal-bniedem għad-dominazzjoni tan-natura għall-interessi ekonomiċi tiegħu.

Ġesu’ kien radikali fil-proposti tiegħu għal dawk li riedu jimxu warajh ħalli jgħixu personalment l-kelma tiegħu:  min jagħti ħajtu għal ħbiebu; min ma jaħrabx mir-realta’ għax kapaċi jerfa’ is-salib; imberkin l-ippersegwitati għall-ġustizzja. San Pawl quddiem din ir-radikalita’ għamel id-deċiżjoni tiegħu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ħuġ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?” (Rm 8,35). Kull wieħedu waħda minna irid jagħmel din id-deċiżjoni: ‘La l-interessi personali, la qligħ diżonest, la abbuż ta’ poter, la tentazzjoni ta’ korruzzjoni u la biża’ mhu se jifirduni milli ngħix dak li għallem Ġesu’’

Il-Knisja llum

Il-Knisja tipprovdi l-idejali Kristjani: mhux il-kompitu tagħha li tagħti soluzzjonijiet pratiċi. Hija tipproponi soluzzjonijiet permezz tal-membri tagħha: eżempju huwa it-tlett statisti Schumann, Adenauer, De Gasperi li tant taw minnhom infushom biex jifformaw l-għaqda fl-Ewropa wara l-aħħar Gwerra Dinjija. Jiena inħeġġeġ lill-insara bir-responsabbiltajiet personali u diversi tagħhom f’kull kamp biex ikunu krejativi f’dawn il-valuri li jħaddnu, u jagħtu dan il-kontribut għat-twettiq ta’ dak l-ideal li semmielna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI meta kien qiegħed iħalli pajjiżna: għall-”unita’, solidarjeta’ u rispett reċiproku li huma l-bażi tal-ħajja soċjali u politka tagħkom”.