Konkatidral, S. Ġwann
25 ta’ Diċembru 2012
Ħuti, dan il-Lejl tal-Milied jispjegalna min hu Alla tagħna għal min jemmen fi Kristu. Alla tagħna ma jibqax fis-smewwiet. Alla tagħna jiġi fostna biex hu jkun jista’ jagħtina s-salvazzjoni. M’hemm l-ebda reliġjon oħra li turi lil Iben t’Alla li jiġi fostna. U dan jurina li aħna fil-qalba ta’ Alla. U allura nistgħu ngħidu li l-lum iktar milli l-festa ta’ Ġesu għax dak huwa l-Iben t’Alla, hija l-festa tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna għaliex Ġesu ġie fostna.
Hu ġie fostna għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni, hija ovvja. L-Iben t’Alla sar ħaġa waħda mal-umanità hekk li issa l-umanità ma baqgħetx biss umanità, imma ġo fiha għandha wkoll lil Sidna Ġesu Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem. B’hekk dak li konna tlifna fil-bidu, minħabba d-dnub tal-bniedem, erġajna akkwistajnih permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu. Issa kull għemil tagħna jista’ jkollu l-qawwa tad-divinità għaliex Kristu huwa magħna.
It-tieni raġuni għaliex Kristu ġie bħala bniedem għaliex huwa jrid li aħna nkunu miegħu għall-eternità, kif smajna fit-tieni lezzjoni ta’ S. Pawl lil Titu (Tit 2, 11-14). Allaħares, ħuti, il-ġenerożita t’Alla l-Missier kienet tieqaf biss f’din id-dinja. Allaħares! Il-ġenerożita ta’ Alla l-Imbierek in-nisrani iħares lejha mhux biss f’din id-dinja imma jibda mill-eternità u Kristu jurih it-triq li twassal għall-eternità. Huwa dan li beda f’dan il-lejl, hija din ir-raġuni għaliex Kristu ġie fostna.
Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 2, 1-14) aħna rajna diġa u ninterpretaw dak li Alla l-Imbierek ried jurina permezz ta’ Ġesu. Ħa nfakkarkom ftit il-Vanġelu li smajna. L-ewwel ħsieb: Sidna Ġesu Kristu ġie hawnhekk bħan-nisel ta’ David u din hija l-fedelta ta’ Alla l-Imbierek. Tafu David kien midneb, allavolja kien għażlu l-Mulej imma darba għamillu wegħda Alla l-Imbierek u qallu: int, minnek se jitwieled il-Messija. U Alla hu fidil. Il-kliem li jgħid jibqa’ jżommu għalina lkoll.
Il-Vanġelu tal-lum jurina kif Alla l-Imbierek jaqleb l-affarijiet għaliex għalkemm Sidna Ġesu Kristu f’għajnejn il-bnedmin, permezz ta’ Ġużeppi kien minn nisel ta’ David, allura kien bin David, m’għażilx il-qawwa li kellu David, m’għażilx l-għana li kellu David imma għażel il-faqar. U r-raġuni naħseb li hija, li Alla l-Imbierek jgħidilna li mhux intom il-qawwa; il-qawwa hija tiegħi. Iktar ma aħna nitbaxxew iktar Alla jista’ jimlina, għax inkunu neħħejna ftit minn dik li hi is-suppervja umana. Ġo fina rridu nħallu post għal Alla l-Imbierek, ħalli jaħdem fina Hu.
U t-tielet ħaġa li aħna smajna llum hija meta l-anġli kienu qegħdin ikantaw: Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba. Tiftakru l-ewwel kmandament kif tahulna Sidna Ġesu Kristu? Ħobb ‘l Alla tiegħek, ħobb lil għajrek bħalek innifsek! U din hija li kantaw l-anġli u li mbagħad Ġesu qalilna: intom tridu tibnuha bil-grazzja ta’ Alla l-Imbierek. Ħienja dawk li jagħtu s-sehem tagħhom ħalli dan is-saltna t’Alla isseħħ, biż-żerriegħa fuq din l-art, bit-twettiq tagħha fl-eternità. Dan huwa l-futur tagħna lkoll.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Iż 9,2-7), aħna smajna lil Iżaija jgħidilna min hu dan li ġej. Hu jgħidilna mhux biex niftaħru bih imma din hija offerta li aħna rridu nieħdu f’idejna. Ħa nfakkarkom x’qal fuqu nnifsu Ġesu. “Kunsillier tal-għaġeb! Qed joffrilna: jien se nkun il-kunsillier tagħkom, imma kif se jkun il-kunsillier tagħkom? Għandkom il-Vanġeli. Min ma jaqrax il-Vanġeli ma jistax Alla jkun kunsillier tiegħu għax jibqa’ f’moħħu biss u jagħmel dak li jgħidlu moħħu. Għandna l-ewwel offerta. Kristu huwa l-kunsillier tagħna kif wera fil-Vanġelu tal-lum.
It-tieni offerta hi li: “Alla setgħani.” Alla l-Imbierek qiegħed hemmhekk biex nitolbuh il-qawwa tiegħu. Għandniex bżonn il-qawwa, ħuti, biex ngħixu l-fidi tagħna? Anke f’dinja li mhux dejjem tgħina? Alla hu setgħani. Mingħajr is-setgħa ta’ Alla min ma jibqax marbut ma’ Alla ma jistax jimxi wara l-Mulej għax m’għandux saħħa biżżejjed. Id-dinja, il-messaġġi tagħha huma qawwijin ħafna.
Għandna t-tielet offerta: “Missier għal dejjem!” Ma jiċċaqlaqx anke meta, kif rajna f’David, anke meta aħna niċċaqilqu, Alla l-Imbierek jibqa’ missier u jibqa’ jittrattana bħala wliedu. Ftakru daqsxejn fl-Iben il-ħali. Jibqa’ jħobbna, Alla l-Imbierek.
U l-aħħar offerta li jgħidilna hi li huwa “l-Prinċep tas-sliem.” Kemm hu sabih jekk aħna nemmnu li meta ngħixu ma’ Kristu jirriżulta s-sliem fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-komunita’ Nisranija, imma f’isem il-Mulej Ġesu għax għalhekk twieled. Twieled għax ried jurina it-triq biex naslu għandu.
Jalla, ħuti, dan il-lejl, jekk aħna nsibu xi ħaġa minn dawn l-offerti li m’aħniex qegħdin ngħixu, ejjew inħallu lil Sidna Ġesu Kristu jitwieled ġewwa qalbna ħalli nimxu lejh.