Id-diskors tal-Arċisqof Pawlu Cremona OP matul il-laqgħa ma’ dawk li jaħdmu fil-media, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, il-Ġimgħa, 21 ta’ Mejju, 2010, fil-Kurja tal-Arċisqof.

Jiena nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom talli ġejtu għal din il-laqgħa li ssir kull sena. Hija okkażjoni biex niltaqgħu u naqsmu xi ħsibijiet. Nixtieq l-ewwelnett nirringrazzjakom tas-servizz li tagħtu lis-socjeta’ maltija bil-ħidma tagħkom. B’mod speċjali nixtieq nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom waqt il-miġja tal-Papa Benedittu XVI f’Malta. Il-ħidma tagħkom kienet apprezzata ferm f’Malta u barra minn Malta.

L-ewwelnett nixtieq ningħaqad mal-Papa li fil-messaġġ tiegħu għal din is-sena, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, ħeġġeġ lis-saċerdoti kollha biex jagħrfu d-dmir tagħhom li jxandru lill-Kristu bħala l-Kelma t’Alla nkarnata. Il-Papa saħaq li għandna nsiru midħla sew ta’ dawn il-mezzi, speċjalment dawk diġitali biex naqdu fedelment il-missjoni tagħna ta’ evanġelizazzjoni.

It-tieni, ħassejt li għandi naqsam magħkom riflessjoni oħra fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri f’pajjizna.

Il-mistoqsija li għamilt f’dawn il-ġranet b’mod partikolari fid-dawl taż-żjara tal-Papa kienet din: x’valur nistgħu nagħtu lill-kelma ‘news reporter’? Kemm il-ġrajja qed tiġi mwassla, lill-pubbliku, bħala aħbar kif tkun seħħet tassew? Jew qed tiġi mwassla b’interpretazzjoni mfassla fuq agenda li tinteressa lil min ixandarha?

Hemm bżonn li l-ġrajja titħabbar kif inhi l-ewwel, mingħajr interpretazzjoni u meta ssir interpretazzjoni tagħha, jeħtieġ li jidher ċar li din hija opinjoni fuq il-fatti kif ġraw. Dan li nifhem bil-kelma news reporter, li wieħed ixandar il-fatti kif ġraw.

Naħseb li dan huwa servizz kbir li l-ġurnalist jagħti lil dawk li jkunu qed jaraw jew jisimgħu jew jaqraw fuq xi ġrajja. Huwa l-għajnejn, il-widna ta’ min jaqra għax ma setax ikun preżenti. Din hi l-onesta ġurnalistika.

Hemm funzjoni oħra fil-mezzi ta’ komunikazzjoni:  li wieħed jinterpreta u jwassal opinjoni fuq il-ġrajja. Ilkoll nifhmu li min lest li jinvesti fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għandu wkoll viżjoni, interpretazzjoni tar-realta’ li jrid iwassal lill-pubbliku. Din il-viżjoni tista tkun ta’ natura personali, reliġjuża, politika, jew ideoloġika. Niżżu ħajr ‘l Alla li f’soċjeta’ pluralistika dan huwa possibbli u wieħed jista’ jagħżel dik l-interpretazzjoni tar-realta’ li tagħmel sens f’ħajtu.

Huwa ovvju li kulħadd għandu l-aġenda tiegħu: personali, jew ta’ dak li hu qed jirrapreżenta. Kull aġenda tirrifletti l-identita’, il-policy u anke l-aspett finanzjarju ta’ dawk li huma l-proprjetarji ta’ dawn il-mezzi. Tajjeb li wieħed qatt ma jissagrifika l-verita’ tal-fatti minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet: huwa prezz wisq għali li s-soċjeta’ jkollha tħallas!

Xejn m’għandu jiddispensa lill-ġurnalista milli jkun fidil lejn ir-realta’ tal-fatti. Il-problema tinqala meta jkun hemm taħwida bejn ir-rappurtaġġ tal-informazzjoni  u l-interpretazzjoni tagħha.  Meta wieħed qed jirraporta m’għandux iħossu liberu li jiddispensa ruħu milli jwassal l-informazzjoni korretta tal-fatti, u jaqbeż mill-oġġettivita’ għas-soġġettivita tal-interpretazzjoni u tal-opinjoni.

Naħseb li dan kollu jmur kontra r-rispett lejn il-persuna u l-intelliġenza ta’ dak li qiegħed jiftaħ gazzetta, jew radju, jew televizjoni, jew mezz iehor ta’ komunikazzjoni soċjali biex ikollu l-aħbarijiet. Meta min qed jirċievi l-aħbar ma jkollux il-possibilita’ li jagħmel l-analiżi u l-interpretazzjoni personali, l-intelliġenza tiegħu ma tkunx qed tiġi rispettata. Aktar minn hekk, meta il-ġrajja tasal biss fil-forma diġa nterpretata, din tista tkun ukoll forma ta’ indottrinazzjoni.

Dan il-prinċipju jgħodd iktar u iktar meta wieħed ikun qiegħed jirraporta dak li xi ħadd ikun qal. Naħseb li jidħol fid-dritt tal-persuna li wieħed jigi rraportat korrettament u fedelment fuq dak li jkun qal. Jiena qiegħed ngħid dan proprju għaliex kont impressjonat kif ġurnalist  mhux Malti irnexxilu jikkwota biss frażi minn diskors sħiħ ta’ persuna. Ħassejt li b’hekk id-diskors gie ċċensurat minn dak il-ġurnalist. Żgur li l-ġurnalist ikun aktar onest u ġust meta ikun fidil lejn il-ħsieb ta’ min ikun qed jitkellem jew jikteb, aktar milli jgħawweġ il-ħsieb għall-iskop tiegħu.

Min-naħa l-oħra, huwa wkoll importanti għas-soċjeta li ngħixu fiha li jkun hemm dawl u riflessjoni fuq ir-realta’ li tkun qed tiġi rrapurtata. Għalhekk, huwa aspett importanti ta’ soċjeta’ demokratika li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali janalizzaw, jikkritikaw, jikkumentaw u jipproponu riflessjonijiet differenti fuq dak li jkun ġie rrapurtat. Dan huwa servizz indispensabbli tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Jekk dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam jaqdu fedelment il-missjoni tagħhom fuq dawn il-prinċipji, il-fiduċja tan-nies fil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali tikber dejjem iżjed.

Jiena nawguralkom biex kull wieħed u waħda minnkom tagħtu dan il-kontribut lis-soċjeta’ tagħna b’fedelta’ u onesta’ dejjem ikbar. B’hekk tkunu qed tagħtu servizz qawwi ħafna u tasserixxu l-liberta’ tal-individwi fis-soċjeta’ tagħna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.