• Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Knisja ta’ Sant’Antnin, Birkirkara

    6 ta’ Diċembru 2018

    Hemm żewġ kelmiet li nisimgħuhom ta’ spiss fi żmienna: fake news. Jirreferu għal aħbarijiet li joħorġu u jinstemgħu minn diversi nies imma ma jkunux veri. Għalhekk ‘fake’.

    Hemm prattika oħra mifruxa fi żmienna: il-fake language. Din narawha meta flok kliem li jgħid l-affarijiet kif inhuma, jintuża kliem biex jaħbi r-realtà. L-esperjenza turina kif din il-fake language hi mifruxa fejn jidħlu kwestjonijiet li jolqtu l-ħajja tal-bniedem. Flok l-affarijiet jissejħu b’isimhom, jintużaw kliem biex jaħbu r-realtà. Għalhekk hu importanti li aħna lkoll naħdmu biex inwasslu r-realtà kif inhi, mingħajr ħabi, biex ħadd ma jitqarraq.

    F’dan, għandna għajnuna kbira mill-kelma ta’ Ġesù li hu “t-Triq, il-Verità, il-Ħajja”. Il-Kelma tiegħu turina l-verità kif inhi. Fis-silta tal-Evanġelju li għadna kif smajna, Ġesù jgħid li ma jridx li nsejħulu “Mulej, Mulej” filwaqt li nkunu qed nagħmlu eżatt il-kontra ta’ dak li turina l-Kelma tal-Mulej. Hu jfakkarna li jekk nisimgħu l-kelma tiegħu u nimxu magħha, inkunu għaqlin għax qed nibnu fuq is-sod; jekk nisimgħuha u ninjorawha, inkunu boloh għax qed nibnu fuq ir-ramel. Hija din il-kelma tiegħu li tiftħilna għajnejna u tgħinna biex ma nitqarrqux minn xi tip ta’ fake language.

    Nitolbu lill-Mulej l-għajnuna tiegħu biex inkomplu naħdmu biex nipproteġu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u għalhekk f’kull waqt tagħha. Il-Knisja għandha din il-konsistenza fil-protezzjoni tal-ħajja; ma tagħmilx eċċezzjonijiet, ma tgħidx: ‘Hawnhekk iva, tista’ tħares il-ħajja, imma hemm tista’ ttemm il-ħajja’. Il-Knisja hi konsistenti: protezzjoni sħiħa u dejjem, kif iridna nkunu Alla li hu sid il-ħajja. Nitolbuh biex ikompli jkun magħna, jgħinna nagħrfu dak kollu li hu fake, u jsostnina f’din il-ħidma tagħna li ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti