•  

  • Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Knisja Parrokkjali, San Ġiljan

    24 ta’ Diċembru 2018

    Insellem lill‑poplu Malti u Għawdxi f’dan il‑jum qaddis tal‑Milied. In‑noti sbieħ tal‑għanja O Lejl ta’ Skiet jew Silent Night ifakkruna li din l‑għanja għażiża, u nistgħu ngħidu wkoll popolari, twieldet propju 200 sena ilu. F’dan il‑lejl qaddis tal‑Milied il‑kappillan Josef Mohr ta poeżija li kien kiteb sentejn qabel, fl‑1816, lill‑organista tal‑parroċċa ta’ Oberndorf fl‑Awstrija, Franz Xaver Gruber, u talbu jagħmel il‑mużika għal kliem sempliċi ħafna li jfakkruna f’tarbija mimduda f’maxtura fil‑ħemda tal‑lejl. Hekk twieldet l‑għanja sabiħa ta’ Stille Nacht jew Silent Night.

    It‑tarbija ta’ Betlehem tfakkarna fil‑ħemda tal‑paċi, tal‑għożża; dak il‑paċi li ġej mir‑rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna, mill‑maħfra li jagħtina kontinwament il‑Mulej, u mill‑għaqda u l‑għożża li jixtieq li jkun hemm bejn wieħed u l‑ieħor. Dik il‑ħemda tal‑lejl li tfakkarna wkoll fil‑bżonn tagħna li kultant nieqfu ftit f’ħajjitna biex nirriflettu: Minn fejn ġejjin? Fejn sejrin? Dawn il‑mistoqsijiet li jagħmel il‑bniedem għamilhom f’kull kultura u f’kull żmien.

    Il‑fidi tagħna l‑Insara tgħidilna li r‑risposta tal‑mistoqsijiet tal‑għatx fundamentali tagħna qegħda f’dik it‑tarbija ċkejkna u vulnerabbli li qed tistedinna biex nisimgħu l‑leħen tagħha. Il‑leħen ta’ tarbija huwa leħen li jgħidlek: ‘Ħu ħsiebi’. Il‑leħen ta’ tarbija hu l‑bikja tagħha meta jkollha l‑ġuħ u l‑għatx, jew inkella meta tkun qed tħoss il‑bard u għandha bżonn min jitmagħha u għandha bżonn ukoll min ifisqiha.    

    Kemm hi ħaġa sabiħa li fil‑kultura tagħna l‑Maltin u l‑Għawdxin għadna ngħożżu l‑valur tal‑ħajja li jidher konkretament f’kull tarbija ġdida li titwieled. L‑awgurju tiegħi hu li aħna, bħala poplu, inkomplu ngħożżu d‑don sabiħ tal‑ħajja li titwieled, li tibda mit‑tnissil u li tikber fil‑ġuf tal‑omm. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna konkretament mhux biss inħarsu l‑ħajja matul is‑snin, jiġifieri li ngħożżu l‑preżenza tal‑anzjani tagħna u nieħdu ħsieb li jkollhom il‑mument sabiħ ta’ xjuħija b’dinjità, imma wkoll li nibqgħu ngħożżu t‑tarbija fil‑ġuf ta’ ommha. 

    Ħsieb ieħor li jiġini meta nisma’ n‑noti ħelwin u l‑kliem sabiħ ta’ din l‑għanja li għalqet 200 sena, huwa l‑fatt li l‑Mulej se jibqa’ jħenn għalina, anke meta aħna nitbiegħdu minnu jfittixna. Kemm hu sabiħ li f’dawn il‑jiem qaddisa nirrealizzaw bit‑talba sempliċi imma profonda li għallimna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

    Waqt li t‑tarbija ta’ Betlehem tistedinna għall‑ħemda u s‑skiet tar‑riflessjoni fuq il‑ħajja tagħna, tfakkarna wkoll li l‑ħajja għandha valur li huwa bla prezz. Ħafna drabi aħna npoġġu prezz fuq ir‑realtajiet ta’ madwarna imma nitilfu s‑sens tal‑valur. Kemm hi ħaġa qaddisa li fil‑Milied, waqt li qed nagħtu rigali speċjali lil xulxin, nifhmu li Alla sar bniedem biex aħna nsibu u nibqgħu ngħixu fid‑dinjità, li nirrispettaw id‑dinjità ta’ xulxin, li naħfru lil xulxin, u li ngħixu flimkien fil‑paċi.

    L‑appell li nagħmel lill‑komunità Nisranija u anke lill‑membri l‑oħra tal‑komunità li qed jifirħu magħna fit‑twelid ta’ Ġesù, huwa li nkomplu nifirħu mhux biss f’dan il‑lejl qaddis tal‑Milied u fil‑jum tal‑Milied imma għal 12‑il jum oħra. Bħal‑lum ġimgħa, fl-1 ta’ Jannar, niċċelebraw il‑maternità ta’ omm Ġesù – il‑fatt li jissejjaħ Ġesù li jfisser ‘Alla jsalva’. Fis‑6 ta Jannar hemm festa oħra kbira li qed tistenniena: l‑Epifanija, meta niċċelebraw il‑laqgħa ta’ Ġesù mal‑Maġi li ġew mil‑Lvant, ġew minn poplu mhux Lhudi u li fihom hemm aħna wkoll. Aħna l‑Maltin għalkemm m’aħniex parti mill‑poplu Lhudi xorta ltqajna ma’ Ġesù kmieni fl‑istorja tagħna bil‑miġja tal‑Appostlu Missierna fejn smajna bil‑qawwa ta’ Ġesù ta’ Nazaret li tfejjaq; dik it‑tarbija li qegħdin niċċelebraw mwielda fl‑għar ta’ Betlehem; dik it‑tarbija li tistedinna biex fil‑ħemda ta’ dan il‑lejl qaddis insibu l‑għożża, il‑maħfra, il‑barka u kull saħħa.

    Insellem ukoll lill‑emigranti kollha Maltin, lir‑residenti kollha fl‑istituzzjonijiet, fid‑djar u anke lill‑familji kollha Maltin u Għawdxin u waqt li nitlob fuqna lkoll il‑barka tal‑Mulej, nawguralkom mill‑qalb Milied tassew hieni mimli barka u għożża.

    Charles Jude Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta